Friday, November 22, 2024

Inċertezzi dwar iż-żjara tar-Re Karlu fil-Kanada

L-2024 se tkun ta’ sfida għall-monarkija Ingliża… biża’ li protesti jxekklu kollox

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-monarkija Ingliża f’idejn ir-Re Karlu, għandha sfidi quddiemha hekk kif din is-sena hemm ippjanat tour uffiċjali u importanti fil-Kanada. Sorsi mill-palazz ta’ Buckingham huma rrapportati mħassba hekk kif mhumiex ċerti x’tip ta’ akkoljenza se jkollu r-Re Karlu f’dan il-pajjiż.

Għal din iż-żjara storika tar-Re u r-Reġina tar-Renju Unit fil-Kanada, qiegħda tberren il-mistoqsija dwar kemm huwa verament popolari Karlu u s-sorsi spjegaw li dan se jkun test kbir għalih. L-istess sorsi qalu li r-Re Karlu ma jidhrix li għandu quddiem xenarju ottimist u dan minħabba l-fatt li l-Kanada għadha taħt il-monarkija Ingliża.

Skont stħarriġ li sar minn “CBC” qabel l-inkurunazzjoni tar-Re Karlu, 60% tan-nies kienu kontra li Karlu jsir ir-Re tal-Kanada. Aktar minnhekk, skont stħarriġ riċenti, irriżulta li aktar minn 81% tal-Kanadiżi stqarru li ma jħossux li huma parti mill-monarkija Ingliża. Sadanitttant, kienu biss 14% tal-Kanadiżi qalu li jħossuhom parti minnha.

Sors ieħor qal li din iż-żjara fil-Kanada “se tirrifletti kif iħossu l-poplu Kanadiż” kif ukoll li “hemm biża’ ġenwina li l-protesti jaffettwaw iż-żjara”.

Minkejja kollox, ir-Re Karlu huwa determinat li jżomm il-pożizzjoni tiegħu. Sors mill-Palazz qal lill-ġurnal “The Mirror” li r-Re kien dejjem ċar li se jkompli bir-rwol tiegħu bħala l-Kap tal-Istat fil-pajjiżi kollha li huma taħt ir-Renju Unit. Dan dejjem sakemm ikun irid huwa”.

Sport