Thursday, May 30, 2024

INDUSTRIJA TAL-FILMS LI TATTIRA AKTAR PRODUZZJONIJIET

Aqra wkoll

Il-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films qed jistinkaw biex l-industrija tal-films tkompli tikber b’mod li toħloq aktar impjiegi ta’ kwalità. B’dan il-mod, il-ħaddiema li diġà jaħdmu f’din l-industrija u anke oħrajn relattivament ġodda, ikunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda u varji.

Tajjeb li wieħed isemmi li dawn l-aħħar snin kienu fost l-aqwa għal din l-industrija li rat tibdil konsiderevoli fil-faċitalitajiet li toffri għall-ġbid tal-films. Dan kien riżultat tal-investiment kontinwu li sar biex din l-industrija tkompli tkun fost l-aqwa fil-Mediterran u b’hekk tattira lejn pajjiżna aktar produzzjonijiet internazzjonali.

Dan jirrifletti sew il-produzzjonijiet kbar li nġibdu Malta, fejn saħansitra l-produtturi nfishom faħħru kemm il-faċilitajiet li jeżistu u li ġew imtejba matul is-snin. Biss biss, is-sena li għaddiet, l-industrija tal-films f’pajjiżna ġġenerat mhux inqas minn €85 miljun fl-ekonomija tagħna, li jfisser żieda ta’ 25% fuq is-sena ta’ qabel.

Kien hemm ħafna li ħassewhom sorpriżi li dan l-aħħar tqajmet kontroversja dwar inċentiv li jingħata fosthom cash rebate biex jattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna. Dan l-inċentiv fiskali huwa fil-forma li pajjiżna jagħti persentaġġ ta’ flus lura lil produzzjonijiet lokali u barranin u dan wara li jkunu ppreżentati l-provi ta’ kif ikunu ntefqu l-flus f’pajjiżna wara awditjar rigoruż.

Dan il-miżura fiskali għandha l-għan li mhux biss tassigura l-impjiegi tal-ħaddiema li jaħdmu f’din l-industrija, imma wkoll li tinċentiva x-xogħol u tipprova tattira lejha żgħażagħ biex jibnu karriera fl-industrija tal-films. Għalhekk ħafna ħassewhom sorpriżi.

F’dan il-kuntest, aħna nistaqsu jekk il-Gvern, li jinċentiva l-investiment barrani kemm fil-manifattura u anke f’setturi oħra tal-ekonomija, għaliex m’għandux ukoll jinċentiva din l-industrija biex iġġib aktar produzzjonijiet lejn Malta li wara kollox iġġenerat u għadha tiġġenera dħul finanzjarju sostanzjali għall-ekonomija Maltija.

Wara kollox, permezz tal-industrija tal-films, pajjiżna qiegħed jingħata aktar pubbliċità internazzjonali. Irridu nżommu f’rasna wkoll li f’dan is-settur, Malta qed tikkompeti mad-dinja kollha u għalhekk inċentivi fiskali attraenti jwasslu biex il-kompetittività ta’ pajjiżna fid-dinja tal-films tkompli tissaħħaħ.

Sport