Wednesday, April 24, 2024

Inħeġġeġ lin-nisa biex jipprattikaw il-bodybuilding u l-fitness għax iżommhom fiżikament u pskoloġikament kuntenti – Loranne Briffa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Loranne Briffa hi atleta li tipprattika l-bodybuilding u l-fitness. Dan il-vjaġġ li hi ssejjaħlu affaxxinanti beda madwar sitt snin ilu meta hi bħala żagħżugħ kellha xi ftit tal-piż u kienet ukoll xi ftit mistħija.

Minkejja kollox, meta għalqet dawk l-għoxrin sena riedet tbiddel l-istil ta’ ħajja tagħha u b’hekk bdiet tagħmel id-dieta. Bdiet ukoll tipprattika diversi sports iżda fl-aħħar mill-aħħar sabitha komda fil-bodybuilding u anke l-fitness.

Kif tgħid hi, f’dan iż-żmien qatt ma waqfet taħdem sabiex tkompli fil-vjaġġ tagħha lejn saħħa aħjar u fuq kollox dik il-figura fiżika li tant hi importanti. Il-personalita’ tagħha nbidlet mil-lejl għan-nhar u minn dik it-tfajla mistħija, Loranne żiedet fil-personalitá tagħha.

Hi ssemmi żewġ persuni li għenuha f’dan il-vjaġġ u dawn huma l-kowċ Isabelle Zahra u l-esperta tad-dieta Susan Borg. Minn hemm hi bdiet ukoll iżżid fil-ħiliet tagħha f’dan l-isport.

Talk.mt iltaqa’ ma’ Loranne Briffa fejn spjegatilna aktar fid-dettall dwar il-benefiċċji ta’ din id-dixxiplina.

Lorranne ħadet sehem f’kompetizzjoni internazzjonali fejn ikkompetiet ma’ 24 pajjiż ieħor. Hi ħadet l-unur ta’ Newcomer Bikini filwaqt li ġiet mal-aqwa sitta tal-Masters.

“L-ewwelnett xtaqt nirringrazzja lir-raġel tiegħi, lill-kowċis li tawni pariri siewja u lil dawk kollha li tawni ħafna sapport.”

“Ma kienx vjaġġ faċli speċjalment għax minn Ġunju li għadda bdejt dieta partikolari filwaqt li żidt aktar l-eżerċizzju fiżiku. Wieħed irid joqgħod attent għal kull dettall speċjalment fuq il-palk fejn dawk is-sekondi jew minuti li tkun hemm fuq, int se tiġi ġudikata fuq dak kollu li tagħmel iżda fuq kollox kif tidher. Kienu erba’ xhur iebsa aktar mis-soltu iżda s-sodisfazzjon hu wieħed kbir.”

Loranne tgħid li minkejja li forsi mhux kulħadd jirbaħ dik il-midalja, madankollu kull min jitla’ fuq dak il-palk prestiġġjuż hu rebbieħ. Hi ħassitha rebbieħa eżatt malli telgħet hemm fuq għax tfisser li hi għelbet kull ostaklu ġaladarba kienet hemm fuq.

Hi tgħid li l-fatt li kienu rikonoxxuti għas-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni li taw fil-preparazzjoni tagħhom hu xhieda kemm l-atleti huma stmati mill-federazzjonijiet internazzjonali.

“Bla dubju kulħadd imur hemm sabiex jaqta’ figura tajba iżda intenni ġaladarba tkun hemm, kulħadd ikun ferħan għax qed tikkompeti fuq livell għoli ħafna.”

Saqsejna lil Loranne Briffa dwar il-futur tagħha u kif qed taraha fis-snin li ġejjin.

“Nispera li l-Bambin jaghtini s-saħħa nibqa’ nikkompeti u nipprattika din id-dixxiplina li nammetti li hi ferm għal qalbi. B’determinazzjoni u dixxiplina nittama li nkompli nżid fil-ħiliet tiegħi f’dan l-isport għax jien bniedma saqajja mal-art u taf kemm taf, qatt m’hu biżżejjed.”

“Jien min-naħa tiegħi, ħa nkompli nitħarreġ bis-serjeta’ kuljum, nagħmel dieta bilanċjata u eveentealment inkompli nagħmel progress. Dan kollu trid taħdem għalih u jien lesta li nkompli għaddejja f’din l-istil ta’ ħajja.”

Finalment tlabna lil Loranne Briffa sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu l-isport tal-bodybuilding u l-body fitness.

“Ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom. Importanti li jkunu ppreparati mentalment u fiżikament . Veru li dan kollu jirrikjedi impenn kbir iżda hu importanti.”

“Minn hawn inħeġġeġ aktar nisa jieħdu dan l-isport minħabba li jagħtihom iċ-ċans iżommhom kuntenti mhux biss fiżikament iżda wkoll pskoloġikament. Is-sens ta’ sodisfazzjon li tikseb hu enormi u għalhekk nissuġġerih lil kulħadd.”

Sport