Wednesday, April 24, 2024

Numru kbir ta’ nisa jipprotestaw fl-Iran kontra l-ilbies tal-hijab wara l-mewt ta’ Mahsa Amini

Aqra wkoll

Numru kbir ta’ nisa reġgħu pprotestaw fit-toroq tal-Iran wara l-każ ta’ mara li tilfet ħajjitha meta ġiet arrestata għax kisret il-liġijiet dwar l-ilbies tal-hijab. F’dawn il-protesti, li issa ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ħamest ijiem, għadd ta’ nisa ħarqu l-hijab tagħhom bħala turija ta’ diżapprovazzjoni għal dak li saħħ. 

Dawn id-dimostrazzjonijiet infirxu sew madwar il-pajjiż kollu u attivisti qalu li żewġt irġiel dimostranti spiċċaw inqatlu mill-forzi tas-sigurta ġewwa Urmia u Piranshahr fil-Majjistral tal-pajjiż. S’issa hu mifhum li xejn inqas minn sitt persuni tilfu ħajjithom f’dawn id-dimostrazzjonijiet kontra il-liġijiet tal-hijab u dawk magħrufa bħala “l-pulizija tal-moralità”.

Il-każ li wassal għal dan kollu seħħ wara li Mahsa Amini, mara ta’ 22 ta’ nazzjonalità Kurda, mietet fl-isptar ta’ Saqez wara li damet tlett ijiem f’koma. Hi kienet ma’ ħuha ġewwa Tehran meta ġiet arrestata mill-uffiċjali tal-pulizija tal-mortalità u ġiet akkużata li kisret il-liġi li tgħid li n-nisa jridu jgħattu xagħarhom bil-hijab, kif ukoll jgħattu dirgħajhom u riġlejhom. 

Għal xi raġuni hi kienet spiċċat f’koma wara li ġiet arrestata. Rapproti qed jgħidu li Armini kienet allegatament ingħatat daqqiet ta’ bastun f’rasha mill-pulizija kif ukoll allegatament ħabtet rasha ma’ waħda mill-karozzi tal-pulizija. Min-naħa tagħhom il-pulizija qed jgħidu li mhux vera li din il-mara kienet trattata ħażin, anzi huma qalu li din spiċċat f’koma minħabba “problemi f’qalbha”. Il-familja tal-vittma rribattew dan u qalu li hija kienet b’saħħitha. 

Sport