Monday, April 22, 2024

Malta b’impenn li tibqa’ taħdem favur aktar għajnuna umanitarja lit-tfal affettwati minn konflitti armati

Aqra wkoll

“Malta tinsab impenjata b’ħidma li se tara li tkompli tingħata l-għajnuna kollha umanitarja meħtieġa sabiex id-drittijiet ta’ tfal affettwati minn konflitti armati jkomplu jkunu protetti u ssalvagwardjati”, sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt konferenza li indirizza fil-konfini tas-77 edizzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNGA) fi New York.

Waqt din il-konferenza, il-Ministru Ian Borg tenna li s-suġġett tat-tfal u l-konflitti armati se jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għat-terminu ta’ sentejn li Malta se tkun qed isservi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li jibda f’Jannar 2023. Huwa qal li Malta se tibqa’ tisħaq favur il-paċi u favur l-għajnuna umanitarja. Fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ta’ Malta ħadem mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali (SRSG) tat-Tfal u l-Konflitti Armati (CAAC) b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, fuq skola tas-sajf b’mod virtwali fil-ħarsien tat-tfal f’konflitti armati. Dan hu proġett pilota fuq medda ta’ ġimagħtejn li permezz tiegħu ġabar flimkien firxa ta’ protagonisti importanti mill-gvern, uffiċjali għas-soċjetà ċivili, militari, u uffiċjali tal-protezzjoni tat-tfal.

B’messaġġ pożittiv favur l-għaqda u l-paċi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg sostna li l-komunità internazzjonali ma tistax tonqos milli tipproteġi lit-tfal f’żoni ta’ kunflitt madwar id-dinja, inklużi tfal b’diżabilità, tfal li jeħtieġu kura medika urġenti kif ukoll tfal li jiġu sfurzati jitilqu minn djarhom u dawk refuġjati. Dr Borg enfasizza dwar kif il-komunitajiet għandhom jgħaqqdu l-isforzi u l-forzi biex niżguraw li d-drittijiet ta’ dawn it-tfal ikunu protetti u ssalvagwardjati.

Sport