Saturday, December 21, 2024

Inizjattiva Ġdida : il-Homework help mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għamel diversi passi importanti biex isaħħaħ is-servizzi għall-komunità Beltija. Fost l-aktar inizjattivi li ntlaqgħu tajjeb hemm is-servizz il-ġdid ta’ Homework Help li beda jsir fis-sala tal-Kunsill u li qed jingħata b’xejn għat-tfal tal-Belt Valletta.

Il-Homework Help huwa servizz maħsub biex joffri għajnuna lit-tfal ta’ bejn is-seba’ u l-għaxar snin (Years 3 sa Year 6), li jkollhom bżonn l-appoġġ ta’ għalliema kwalifikati biex jagħmlu l-homework tagħhom f’ambjent sigur u pjaċevoli. Dan is-servizz jiġi pprovdut, mingħajr ħlas,  nhar ta’ Tnejn u Ħamis, bejn it-3:15pm u l-5:15pm, sabiex jiżgura li t-tfal jingħataw l-aqwa għajnuna possibbli wara l-ħin tal-iskola.

Din l-inizjattiva hija importanti mhux biss għall-benefiċċju edukattiv tat-tfal, iżda wkoll għall-ġenituri li jistgħu jserrħu rashom li wliedhom qed jirċievu l-appoġġ meħtieġ biex jitgħallmu u jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom fl-iskola. F’dan l-isfond, Olaf McKay, is-Sindku tal-Belt Valletta saħaq kemm hu importanti li nkomplu nħarsu lejn il-ġid tal-komunità Beltija, partikolarment dak tat-tfal, li huma l-futur tal-Belt Kapitali tagħna.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, f’kollaborazzjoni ma’ Optimist, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali Services u s-Servizz tal-Komunità Valletta, qed jagħti ħajja ġdida lil din is-sala billi jużaha għal attivitajiet edukattivi u soċjali bħalma huwa dan is-servizz ta’ Homework Help. Is-Sindku rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jikkontribwixxu biex dan is-servizz ikun possibbli, u stqarr li l-Kunsill se jkompli jinvesti f’aktar attivitajiet innovattivi u edukattivi għat-tfal Beltin.

Il-Kunsill qed jimmira li dan is-servizz ikun biss il-bidu ta’ inizjattivi simili oħra li jħarsu lejn il-bżonnijiet edukattivi u soċjali tal-komunità. L-għan huwa li t-tfal, kif ukoll il-ġenituri, igawdu minn servizzi ta’ kwalità għolja li jgħinu lil kull individwu jħossu parti minn komunità b’saħħitha u magħquda.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-servizz, tista’ tikkuntattja lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fuq in-numru 2247 9410, fejn it-tim dedikat se jkun dejjem lest biex jagħti aktar dettalji u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom.

Ekonomija

Sport