Sunday, November 24, 2024

Inizjattiva ta’ solidarjetà

Membri Parlamentari jagħtu d-demm quddiem il-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għal sena oħra reġgħet ittellgħet l-attività fejn wieħed seta’ jagħti d-demm quddiem il-bini tal-Parlament. Din l-attività, li ilha ssir minn meta l-Parlament mexa għall-binja l-ġdida fid-daħla tal-Belt Valletta, jiġifieri f’Mejju tal-2015, inżammet illum bl-użu tal-mobile unit taċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm.

Preżenti kien hemm l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, l-Ispeaker Farrugia sostna li huwa jemmen ħafna fil-valur li bniedem għandu jgħin bl-għoti tad-demm, għaliex id-demm ifisser ħajja. Qal ukoll li din l-attività, li hija organizzata mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal b’kollaborazzjoni mal-istaff tal-Parlament, ma toħloqx kontroversja mill-ebda partit politiku. “Dejjem inħeġġu lill-Maltin biex jiġu u jagħtu d-demm. B’dan il-mod inkunu qed insalvaw il-ħajja tan-nies,” tenna l-Ispeaker Farrugia.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li din hija inizjattiva oħra li turi l-ġenerożità tal-poplu Malti li dejjem jikkonkorri bi ħġaru meta jiġi mitlub biex jagħmel dan għaliex “m’hemm xejn isbaħ milli tagħmel il-ħajja ta’ xi ħadd aħjar.”

Il-Ministru Falzon enfasizza wkoll li din l-attività tmur lil hinn mill-aspett ta’ politika, u qiegħda ssir b’kollaborazzjoni taż-żewġ partiti flimkien fejn huma wkoll iwasslu dan il-messaġġ ta’ solidarjetà. Għaliex fi kliemu stess, “x’hawn isbaħ milli wieħed jagħti d-demm?”.

Sport