Friday, April 19, 2024

INRAŻŻNU KEMM NISTGĦU ABBUŻI FUQ PERSUNI VULNERABBLI

Aqra wkoll

L-abbużi ta’ kull xorta m’huma aċċettabbli fuq ħadd, iktar u aktar fuq persuni vulnerabbli bħalma huma anzjani u persuni b’diżabilità. Dawn huma persuni li mhux l-abbużi jixirqulhom imma li jkunu maħbuba u protetti f’kull ħin filwaqt li s-soċjetà tagħti l-attenzjoni kollha tagħha lil dawn in-nies. Dan diġà qiegħed isir permezz ta’ istituzzjonijiet jew awtoritajiet governattivi taħt diversi Ministeri.

L-aħħar statistika ppubblikata uriet li fl-2022 kien hemm mhux inqas minn 271 rapport dwar abbużi fuq diversi persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. Dawn ir-rapporti varjaw minn feriti fuq il-persuni, vjolenza domestika, serq u stupru. Għandna għax nifhmu li dawn ir-rapporti ġew investigati u ttieħdu passi biex ma jerġgħux ikunu ripetuti.

Nemmnu li l-pieni fuq l-aggressuri waħedhom mhumiex biżżejjed imma jeħtieġ li jsir kull mezz biex l-istess aggressuri jiġu konvinti illi dak li għamlu huwa ħażin u ma jerġgħux jirrepetuh. Dan permezz ta’ edukazzjoni proprja biex dawn isiru konxji tal-għemil tagħhom.

Għalhekk nappoġġjaw b’kull qawwa d-deċiżjoni tal-Kabinett li approva t-twaqqif ta’ reġistru pubbliku li fih jitniżżlu dawk li jinstabu ħatja mill-Qrati dwar abbużi fuq persuni b’diżabilità. Dan il-pass se jpoġġi wkoll l-obbligu fuq min imexxi d-djar tal-persuni b’diżabilità, li qabel jimpjiega lil xi ħadd jaċċerta li dan ma jkollux sentenzi fejn instab ħati ta’ abbuż.

Dan huwa pass ieħor fil-protezzjoni vulnerabbli fejn qed jintbagħat messaġġ ċar li mhux se jkun hemm ħniena ma’ min japprofitta ruħu mid-diżabilità ta’ persuni oħra. Naqblu wkoll ma’ dak il-qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli li għandhom jingħalqu t-toqob kollha li possibilment jistgħu jwasslu għal dawn l-abbużi. 

Għalhekk ninnutaw b’sodisfazzjon li se jkunu qed jiżdiedu kameras tas-sigurtà fid-djar tal-Gvern fejn jgħixu dawn il-persuni, anke fiċ-ċentri kollha tal-Aġenzija Sapport u f’kull dar li tmexxi, mhux biss kurituri imma aktar importanti fil-partijiet komuni.

F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Istandards u l-Ħarsien Soċjali se tkun qiegħda tirrevedi l-policies tagħha biex dan ikun mandatorju f’kull ċentru u dar oħra inkluż dawk li mhumiex tal-Gvern. 

Dawn il-miżuri jixhdu l-impenn tal-Gvern illi jrażżan kemm jista’ jkun l-abbużi fuq persuni vulnerabbli partikolarment dawk anzjani u persuni b’diżabilità.

Sport