Thursday, May 1, 2025

INSAĦĦU DAK LI KSIBNA BĦALA ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, fil-jum tal-1 ta’ Mejju, għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja kollha jsellmu lill-ħaddiem u jagħtuh ġieħ xieraq għax-xogħol li jwettaq ta’ kuljum. F’pajjiżna wkoll ilna snin twal niċċelebraw dan il-jum. Mhux biss għall-ħidma tal-ħaddiem, imma wkoll għall-ġlidiet li l-ħaddiem għamel matul is-snin biex jikseb aktar drittijiet u libertajiet u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

Illum aktar minn qatt qabel, Jum il-Ħaddiem għandu aktar sinifikat. Dan fil-kuntest tal-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol li jekk il-ħaddiem ma jkunx ippreparat għalihom, ikollu jbati l-konsegwenzi. Ma nistgħux imma f’dan il-jum ma nfakkrux il-kisbiet li l-ħaddiem għamel bis-saħħa tal-moviment tal-ħaddiema f’Malta li mhux biss wasslu biex il-ħaddiem illum jinsabu f’qagħda imma kif jidhru l-affarijiet il-ġejjieni se jkun wieħed sabiħ.

Is-soċjetà Maltija m’għadhiex li kienet bħal dik ta’ ftit snin ilu. Imma ddiversifikat ruħha u nkludiet għadd ta’ ħaddiema barranin kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn pajjiżi terzi li kien hemm bżonnhom biex jimtlew il-vakanzi f’ċertu oqsma. 

Din is-sitwazzjoni ġabet responsabbiltajiet ġodda fuq it-trejdunjins partikolarment fuq il-General Workers’ Union biex tara li dawn il-ħaddiema mhux biss ma jkunux sfruttati u abbużati imma jkollhom il-libertajiet u d-drittijiet daqs il-ħaddiema Maltin. Dan nistqarruh fil-kuntest biex ma jkunx hemm kompetizzjoni nġusta fis-suq tax-xogħol. 

Għalhekk huwa għaqli li l-ħaddiem f’dan il-jum iddedikat lilu jieqaf u jirrifletti ftit dwar kemm jaqbillu, u kemm ikun utli għalih li jorganizza ruħu fi trejdunjin. Dan sabiex ma jkunx waħdu meta jinqala’ l-maltemp imma jkollu min jipproteġilu l-interessi u d-drittijiet tiegħu.

Il-ħaddiem jeħtieġlu jifhem li jekk jibqa’ iżolat u ma jingħaqadx, jista’ jasal mument fejn jitlef dak kollu li jkun kiseb matul il-milja tas-snin. Jekk jiġri dan, il-ħaddiem ma jkunx jista’ jiċċelebra dan il-jum tant importanti għalih. 

Il-ħaddiem jeħtieġlu jagħraf ukoll li bl-għaqda fostu jista’ jtejjeb il-qagħda tiegħu u tal-familja tiegħu u kif ukoll jikkontribwixxi għal aktar ġid nazzjonali. Minn dawn il-kolonni nawguraw jum mill-aqwa lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport