Friday, May 3, 2024

Inter jirbħu l-Coppa Italia għad-disa’ darba

Aqra wkoll

Inter rebħu l-Coppa Italia għad-disa‘ darba fl-istorja glorjuża tagħhom, meta fil-finali għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1.

Kienu l-Viola li ħasdu lil Inter bil-goal inizjali minn Nicolas Gonzalez (3), kmieni fil-partita. Madankollu, Inter, ma rmewx ix-xugaman, anzi wettu reazzjoni mill-aqwa u ġabu l-iskor indaqs permezz tal-iskorer prolifiku Arġentin, Lautaro Martinez (29).

L-istess player Lautaro Martinez (37) skorja l-goal tar-rebħa għan-Nerazzurri , biex b’hekk irreġistra doppjetta personali għalihom f’temp ta’ tmien minuti, b’dan ikun is-27 goal għalih ma’ Inter matul dan l-istagun.

Bi Fiorentina jagħmlu minn kollox biex iġibu l-iskor indaqs u jisfurzaw il-ħin barrani, Inter komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.

B’hekk, Inter għadhom biċ-ċans li jiksbu d-double, hekk kif fl-10 ta’ Ġunju li ġej, ikunu mpenjati fil-finali tal-UEFA Champions League kontra Manchester City f’Istanbul, fit-Turkija.

Sport