Saturday, October 5, 2024

Inter jirbħu s-Super Cup Taljana għat-tmien darba

Aqra wkoll

Lautaro Martinez kien strumentali meta skorja l-uniku goal għal Inter biex rebħu s-Super Cup Taljana għat-tmien darbiet meta fil-finali għelbu lil Napoli bl-iskor ta’ 1-0 liema partita ntlagħbet f’Riyadh, l-Arabja Sawdija.

L-attakkant tal-Arġentina kkonkluda b’xutt fil-baxx mill-cross ta’  Benjamin Pavard fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud f’Al-Awwal Park wara li fl-aħħar nofs siegħa, Napoli spiċċaw jilagħbu bi player inqas, meta tkeċċa Giovanni Simeone (60) għal żewġ karti sofor.   

Dan il-goal importanti kien il-21 personal ta’ dan l-istaġun fil-kompetizzjonijiet kollha bil-flokk tan-Nerazzurri.

Fuq nota negattiva, waqt li Inter kienu ‘l bogħod minn pajjiżhom din il-finali, huma ġew maqbuża minn Juventus fil-quċċata tal-klassifika tas-Serie A wara r-rebħa ta’ 3-0 għand Lecce. 

Dan it-tournament intlagħab bejn erba’ timijiet, biż-żewġ timijiet l-oħra jkunu Lazio u Fiorentina li sfaw eliminati fis-semi-finali.

Min-naħa tal-coach ta’ Inter, Simone Inzaghi, irreġistra rekord li rebaħ din il-kompetizzjoni għall-ħames darba biex għeleb liż-żewġ coaches leġġendarji,  Fabio Capello u Marcello Lippi.

Sport