Monday, December 9, 2024

Australian Open: Alcaraz, Medvedev, Zverev u Hurkacz, fil-kwarti-finali

Aqra wkoll

Carlos Alcaraz, Daniil Medvedev, Alexander Zverev u Hubert Hurkacz, għaddew għall-kwarti-finali meta lbieraħ intlagħbet id-disa’ ġurnata tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne Park.

L-Ispanjol Alcaraz iltaqa’ kontra s-Serb, Miomar Kecmanovic, u ħareġ rebbieħ 6-4 6-4 6-0 biex wasal sa dan l-istadju għall-ewwel darba.

Huwa pproduċa wirja dominanti u impressjona lill-folla bi groundstrokes qawwija u moviment li jaqtalek nifsek kontra l-player numru 60 tad-dinja.

L-eks numru wieħed tad-dinja ma ffaċċjax break point u pproduċa 43 shots rebbieħa meta mqabbel ma’ 14 mill-avversarju tiegħu, li sempliċiment ma setax jidħol fil-partita minkejja li kellu s-sehem tiegħu f’xi rallies eċċitanti. 

It-tielet seed, ir-Russu Daniil Med­vedev, ġie mbuttat bil-qawwi mill-Portugiż, Nuno Borges, iż­da għadda f’erba’ sets biex wasal għall-kwarti-finali.

Il-finalista darbtejn Medvedev naqas milli jikkonverti żewġ match points fuq 5-4 fit-tielet set qabel rebaħ 6-3 7-6 (7-4) 5-7 6-1.

Medvedev wasal sa ħames finali tal-Grand Slam, u rebaħ waħda biss fil-US Open tal-2021. Hu ffaċċja jew lil Novak Djokovic jew lil Rafael Nadal f’kull finali – żewġ players li bejniethom għandhom 46 titlu ewlieni.

Issa huwa se jiffaċċja d-disa’ seed, Hubert Hurkacz, wara li l-Pollakk temm il-mixja brillanti ta’ Arthur Cazaux.

In-numru 122 tad-dinja, il-Franċiż Cazaux, kien għeleb lit-tmien seed, Holger Rune tad-Danimarka fit-tieni round iżda ma setax jikkawża sorpriża oħra hekk kif Hurkacz rebaħ f’erba’ sets, 7-6 (8-6) 7-6 (7-3) 6-4.

Il-player l-ieħor li lbieraħ għadda għall-aħħar tmienja huwa l-Ġermaniż seed numru sitta, Alex­ander Zverev, li warrab l-isfida tan-numru wieħed Britanniku u seed numru 19, bil-punteġġ ta’ 7-5 3-6 6-3 4-6 7-6 (10-3).

AZARENKA SORPRIŻA MINN YASTREMSKA

Il-kwalifikata mill-Ukrajna, Da­ya­na Yastremska, qalet li ħasset li “qalbha kienet se toħroġ minn ġisim­ha” wara li eliminat lill-eks champion darbtejn, il-Belarussa Victoria Azarenka, bil-punteġġ ta’ 7-6 (8-6) 6-4 biex għaddiet mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba f’avveniment tal-Grand Slam.

Is-semi-finalista ta’ Wimbledon, Elina Svitolina, kellha tieqaf meta kienet 3-0 minn taħt kontra ż-żagħżugħa Ċeka, Linda Noskova li wkoll għaddiet għall-ewwel kwarti-finali tagħha ta’ Grand Slam.

Svitolina waqfet minħabba wġigħ fid-dahar li hija taħseb li kien kontrazzjoni muskolari.

Il-ħruġ ta’ Azarenka u Svitolina iħallu din in-naħa tal-polza tan-nisa saħansitra aktar miftuħa milli kienet wara l-ħruġ ta’ profil għoli oħra f’rounds preċedenti, biċ-Ċiniża seed numru 12, Zheng Qinwen, issa  l-ogħla player issidjata li fadal.

Zheng għaddiet mal-aħħar tmienja b’rebħa komda ta’ 6-0 6-3 fil-ħin ta’ 59 minuta fuq Oceane Dodin ta’ Franza u issa se tiffaċċja lir-Russa, Anna Kalinskaya, wara li n-numru 75 tad-dinja għelbu lis-26 seed, it-Taljana, Jasmine Paolini, 6-4 6-2.

Qabel din is-sena Kalinskaya qatt ma kienet issuperat l-ewwel round f’Melbourne. 

Il-finali tas-singles tan-nisa ta’ nhar is-Sibt issa hija garantita li jkollha mill-inqas finalista waħda tal-Grand Slam għall-ewwel darba.

Ekonomija

Sport