Saturday, May 4, 2024

Intervista ma’ Aaron Simpson … president ta’ Marsaskala ASC

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Din l-imħabba tmur lura ħafna żmien meta aħna konna ninżlu għas-sajf villeġġatura f’Wied il-Għajn.

Kont niġbed lejn in-naħa tal-pitch biex nistad u naturalment bdejt it-taħriġ mal-club.

Ma tantx domt nilgħab, biss peró meta kelli 19- il-sena (1994) konna waq­qaf­na Supporters Club Ta’ Marsaskala Sports Club.

Sentejn biss wara tlajt elett fil-kumitat dak iż-żmien immexxi minn Renald Dalli (tal-Wurth) u kien proprju sena wara, fl-1997, fejn il-club rebaħ l-ogħla unur fl-istorja tal-club meta rbaħna l-Kampjonat Premier. Minn dak iż-żmien qatt ma tlaqt lill-club … kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.

Kif iddeċidejt li tidħol fl- amministrazzjoni tal-wa­terpolo bħala president ta’ Marsaskala?

Qatt ma xtaqt li nidħol għal responsabbiltá kbira bħal din, onestament. Biss peró meta llum tara li l-volontarjat qiegħed jonqos u huwa ferm difficli li ssib nies li jikkommettu ruħ­hom.

Jien ma tantx kelli wisq għażliet milli nara lill-club tiegħi jegħreq. Erfajt din il-kariga b’responsabiltá u llum nistqarr li ma jiddispjaċinix li ilni disa’ snin president tal-club.

Kif rajt lil dan il-club jinbidel tul is-snin?

Bħal kull club ieħor ikollok tlajjiet u nżul, iżda  l-akbar sfidi tagħna dejjem ikunu il-finanzi.

Meta jaslu l-unuri dej­jem tara dak l-entużjażmu u ferħ iżda meta jkollok il-mument diffiċli n-nies jisparixxu.

Il-club kellu mumenti sbieħ fl-istorja u dejjem ipproduċa tfal li isimhom huwa kbir fil-logħba tal- waterpolo. Issa jmiss li nkompli nara l-club jinbidel billi naslu li nibnu pixxina tal-aqwa livell kif tassew jixirqilna.

Apparti li l-isport m’għa­dux passatemp, illum hemm aktar professjonalitá u ovvjament il-club wettaq tibdil enormi biex jibqa’ fost l-aħjar clubs f’pajjiżna.

X’appoġġ issib minn sħa­bek il-membri tal-kumitat?

Iż-żminijiet jinbidlu ħafna u anke l-membri minn żmien għal żmien.

Fortunatament dejjem rajt rispett kbir u sapport anke f’mumenti fejn ma qbilniex.

Min jafni personalment jaf kif naħdem jien u għalhekk diffiċli biex ma jaħ­dmux miegħi. Iżda nistqarr li kien hemm min ġie b’interess personali u mhux biex ġenwinament jgħin u jagħti kontribut, iżda dawn in-nies ma jdumux jaħdmu miegħi. Jien hemm dejjem għall-club u mhux għalija nnifsi.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess biex Marsaskala rritornaw fil-Premier wa­ra 16-il sena?

Aktar professjonalitá u dixxiplina. Il-magna ta’ dan is-suċċess hija żgur mertu tal-bravu coach Arpad Babay li rnexxielu fi żmien sena biss jibdel il-menta­litá ta’ bosta players.

Hemm ukoll numru ta’ players żgħażagħ li għandhom futur sabih u ħadmu flimkien biex dan seta’ jseħħ … apparti aktar xogħol ta’ amministrazzjoni, speċjalment biex tiġbor ċerti finanzi. Din kienet sena partikolari wara l-pande­mija u żgur li kienet ferm aktar iebsa għalina.

X’sehem kellu l-coach Arpad Babay f’dan kollu?

Huwa l-moħħ tat-team u l-pjan ta’ Arpad flimkien magħna hu li nibqgħu nissudaw. Huwa dawwar il-mod u l-istrategija minn isfel għal fuq.

Issa wkoll bis-saħħa ti­egħu u l-kuntatti li għandu ser inkunu qed naraw xi żgħażagħ li ser imorru għal taħriġ barra l-pajjiż fi żmien qrib.

Player li kien strumentali biex ksibtu r-rebħa deċisiva kontra Exiles kien bla dubju Mark Carani. X’tikkummenta fuq dan il-player?

Mark hu prodott ta’ Sliema u din is-sena kien fil-pjan tagħna mill-bidu nett. Mark kellu staġun tajjeb ħafna is-sena l-oħra ma’ Ta’ Xbiex u għajnejna mill-ewwel marru fuqu.

Żgur li Mark għandu future mill-isbaħ quddiemu u ma’ Arpad konvint li ser ikompli jikber u jiżviluppa t-talent tiegħu.

Minbarra l-waterpolo, Mark huwa bniedem b’ka­rattru tal-ġenn u edukattissimu. J’Alla t-tfal żgħar iħar­su lejh u jsegwu l-passi tiegħu.

Kif inhu għaddej il-pro­ġett tal-pixxina ta’ Marsaskala?

Bl-iskossi. Ma nixtieqx li ninstema negattiv peró kieku kont bniedem li naqta’ qalbi ilni li ċedejt l-armi.

Trid tibki u titkarrab kuljum għax sfortunatament dik hi s-sisitema f’pajjiżna. Biss konvint li ser naslu u nibdew biex din il- ħolma ssir realtá.

X’inhuma l-opinjoniiet tiegħek fuq il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq?

Meta jkollok dgħajsa li għandha bżonn manuten­zjoni ma tistax tibqa’ tgħab­bi nies fuqha għax iċ-ċansijiet ikunu li tegħ­req u hekk qed nara li ser jiġri b’din il-pixxina.

Qegħdin nġebbdu kollox bħal-lastiku. Irridu nam­mettu li l-isport akwatiku kiber, kif ukoll kiseb suċċessi kbar fl-aħħar snin u dan ressaq aktar nies lejna.

Min-naħa l-oħra naħseb li l-Gvern għaraf l-importanza li hawn u proprju għalhekk qed naraw aktar proġetti proposti fil-clubs kif ukoll fil-Kottonera.

Li hu żgur huwa li din il-pixxina trid tingħalaq wara li jkun hemm għażliet oħra b’mod temporanju biex tingħata l-manutenzjoni li għandha bżonn.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal- waterpolo?

Jien kbirt mal-club u l-club kiber mieghi, allura l-club hu parti kbira minn ħajti.

Ma nimmaġinanix mingħajr il-club. Jien bdejt ta’ etá żgħira u kont għadni ġuvni, għaddejt bħal kull bniedem ieħor minn ħafna esperjenzi f’ħajti, tgħarrast, iżżewwiġt, kelli t-tfal, biss il-club baqa’ miegħi u jien bqajt miegħu.

Illum li għandi lil uliedi mdaħħlin sew fl-isport akwatiku qed jagħtini aktar enerġija u saħħa li nkompli naħdem, għax naturalment dak li qed nagħmel mhux biss qed nagħmlu għall-club u għal-lokalitá tiegħi biss ukoll qed nagħ­mlu għall-futur ta’ wliedi.

Taqbel mas-sistema tal-play-offs, għalkemm dan l-istaġun ma ġietx utilizzata?

Iva. Biss nistqarr li l-opin­joni personali tiegħi u llum ferm aktar minn qatt qabel, naqbel li wara li jkun hemm ir-round preliminari, il-kategoriji għan­d­hom ikunu tlieta.

L-ewwel ikollok l-aqwa tliet clubs li qed jiġġieldu għall-ogħla titlu, u t-tieni jkollok il-clubs ta’ nofs il-klassifika li jilagħbu bej­niethom għal titlu bħall- Ewwel Diviżjoni.

It-tielet, it-timijiet ta’ isfel ikollhom ċans ukoll għall-unuri u jkun bħat-Tieni Diviżjoni. Hekk in­kunu qed nagħtu aktar opportunitajiet biex clubs ji­lagħbu fil-livelli tagħhom u ma nibqgħux naraw ri­żul­tati bħal 20-5 fost oħ­rajn.

Tista’ tgħaddi messaġġ lill-partitarji kollha ta’ Marsaskala biex jibqgħu wa­ra t-team tagħhom?

Aktar milli messaġġ lill-partitarji, għax dawk fortunatament dejjem wara t-team u dejjem warajja u jafu eżatt fejn nixtieq inwassal lil dan il-club, nixtieq li nwassal messaġġ lill-grupp żgħir ta’ residenti li qed jagħmlu ħsara kbira lill-club.

Nemmen li kulħadd għan­du dritt għall-opinjo­nijiet tie­għu, kif ukoll de­lizzji diversi.

Nagħmel appell biex dawn in-nies jieqfu jgergru u joġġezzjonaw għal kull manuvra li tiġi proposta fil-lokalitá tagħna biex ikollna waħda fost l-aqwa pixxini fil-gżira tagħna.

Jien idejquni ħafna affarijiet, biss dejjem irrispettajt id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor b’umiltá kbira.

Qatt m’għamilt ħsara lil ħadd u anzi jien qiegħed hemm biex ngħin. Saħansitra taqla’ fuq wiċċek u jħammġuk. Nemmen li fl-aħħar mill-aħħar jirbaħ is-sewwa u min għandu raġun.

Il-club ilu jeżisti mill-1927 u dawk li qed joġġezzjonaw u jgergru ġew biss ftit snin ilu u għax xtraw flat b’veduta ħasbu li xtraw Marsaskala u l-baħar tal- madwar.

Ħarsu lejn lokalitajiet oħra u tpaxxew bl-investiment li sar u aħna ngergru u neqirdu għax ma nixtiqux żvilupp għall-ġid tal-ko­mu­nitá kollha u l-futur għal dawk li jridu jiġu warajna.

Sport