F’Madrid, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet ippreżentata bil-Premju Forum Europa 2024 mill-organizzazzjoni prestiġjuża Nueva Economia Forum.
Il-premju ngħata lill-President Metsola bħala rikonoxximent għall-“karriera politika tagħha, il-kontribut tagħha għall-bini tal-Ewropa, u għall-impenn dejjiemi biex tkun ta’ servizz għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea, il-valuri fundamentali ta’ dan il-proġett u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea”.
Iċ-ċerimonja saret f’Teatro Real, istituzzjoni kulturali Spanjola, u għaliha attendew madwar 800 persuna minn istituzzjonijiet ewlenin Spanjoli, partiti politiċi, kumpaniji u membri tas-soċjetà ċivili. L-organizzazzjoni Nueva Economia Forum ddikjarat li l-premju ingħata wkoll bħala rikonoxximent għat-“tmexxija b’saħħitha” tagħha. Nueva Economia Forum iddikjara li “Metsola bniet u ddefendiet maġġoranzi fil-Parlament Ewropew li kienu deċiżivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa; il-promozzjoni ta’ drittijiet akbar għaċ-ċittadini tagħha, l-investiment fit-tkabbir, is-sostenibbiltà u l-impjiegi; u l-ugwaljanza.”
Huma ikkonkludew, “inti tirrappreżenta l-aqwa li toffri l-Ewropa. ”Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-kap tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola Cándido Conde-Pumpido, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Spanjol J osé Manuel Albares Bueno, li faħħru lill-President Metsola għall-impenn tagħha lejn l-ideali u l-valuri Ewropej.
Fid-diskors tagħha, l-President Metsola qalet li dan il-premju ipoġġi aktar responsabbiltà fuqha u fuq il-Parlament Ewropew li jibqgħu jiddefendu għal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-paċi u s-solidarjetà.
“Valuri li huma parti mit-tessut tal-Unjoni tagħna. Valuri li qed jiġu mhedda dejjem aktar.”
Żiedet tgħid li l-Ewropa tinsab f’mument kruċjali fl-istorja, u l-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja “jeħtieġu tmexxija, ċarezza tal-azzjoni, u unità tal-iskop. Il-post tal-Ewropa fid-dinja jrid ikun ċar. Meta n-nies iħarsu lejna, iridu jsibu direzzjoni.
Mal-għoti ta’ dan l-unur, il-President Metsola qalet,
“Ninsab onorata immens li nirċievi dan l-unur f’isem il-Parlament Ewropew u dawk kollha li jaħdmu bla heda biex jiddefendu l-valuri li jiddistingwuna bħala Ewropej. Huwa wkoll sinifikanti għalija li ġejt mgħotija dan ir-rikonoxximent fil-jum li fih l-poplu Malti u Għawdxi qed jiċċelebra nofs seklu minn ġrajja li mmarkaw l-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Jien kburija li f’okkażjonijiet bħal tal-lum – u kull fejn immur – nista’ ntajjar il-bandiera bajda u ħamra tagħna.”
Fl-edizzjonijiet preċedenti, dan il-premju ngħata lil figuri internazzjonali prominenti bħalAngela Merkel, Jean-Claude Juncker, u Jose Manuel Barroso.