Tnediet skema ġdida bil-għan li tgħin lill-intrapriżi jidentifikaw modi prattiċi kif inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ilma, inaqqsu l-ispejjeż operattivi u jtejbu l-kompetittività tagħhom.
L-Iskema Energy Performance Assessment for Enterprises Scheme tnediet mill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli li enfasizzat l-importanza li n-negozji jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex isiru aktar effiċjenti, reżiljenti u sostenibbli.
“Analiżi tal-użu tal-enerġija huwa wieħed mill-aktar investimenti għaqlin li jista’ jagħmel negozju. Permezz ta’ din l-iskema, qed nagħtu lill-intrapriżi appoġġ prattiku u aċċess għal għarfien espert biex jifhmu aħjar kif jużaw l-enerġija, inaqqsu l-ispejjeż operattivi u jsiru aktar kompetittivi,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija żiedet li din l-inizjattiva tifforma parti mit-tranżizzjoni usa’ ta’ Malta lejn ekonomija newtrali għall-klima u tappoġġja l-ambizzjonijiet tal-Viżjoni Malta 2050. “Billi ngħinu lin-negozji jtejbu l-assessjar tagħhom fl-enerġija u fl-ilma, inkunu qed insaħħu l-kompetittività ta’ Malta filwaqt li nibnu futur aktar nadif u sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.
L-iskema toffri żewġ tipi ta’ appoġġ, imfassla għal intrapriżi b’livelli differenti ta’ konsum tal-enerġija. Intrapriżi b’konsum baxx tal-enerġija jistgħu jibbenefikaw minn assessjar tal-użu tal-enerġija mingħajr ħlas, li jinkludi żjarat fuq il-post, rakkomandazzjonijiet imfassla għall-bżonnijiet tagħhom u gwida minn esperti. Intrapriżi b’konsum medju tal-enerġija jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex iwettqu assessjar li jgħinhom jidentifikaw opportunitajiet prattiċi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ilma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-Inġ. Sandro Lauri, qal li l-iskema tirrifletti l-impenn tal-Aġenzija li tgħin lill-intrapriżi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma. “Permezz ta’ assessjar imfassal għall-bżonnijiet ta’ kull negozju u gwida minn esperti, qed ngħinu lin-negozji jgħaddu mill-identifikazzjoni tal-opportunitajiet għall-implimentazzjoni. Dan jgħinhom inaqqsu l-konsum, itejbu l-effiċjenza operattiva u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom fit-tul,” qal l-Inġ. Lauri.
It-tnedija laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-Gvern, l-industrija, l-akkademja u l-qasam tal-awditjar tal-enerġija.
Fid-diskussjonijiet ħadu sehem rappreżentanti mill-Università ta’ Malta, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, esperti mill-industrija u l-Malta Chamber of SMEs, li ddiskutew l-isfidi attwali, l-aħjar prattiċi u l-opportunitajiet futuri fl-enerġija, l-ilma, u l-adwitjar.
Din l-iskema hija miftuħa għal intrapriżi rreġistrati mal-Malta Business Registry u għal persuni self-employed b’numru tal-VAT validu. L-applikazzjonijiet issa huma miftuħa.
Aktar informazzjoni, inkluż il-kriterji ta’ eliġibbiltà u d-dettalji dwar kif wieħed jista’ japplika, tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.









