Wara li l-ewwel ġimgħa tal-ġuri ntemmet b’xhieda investigattiva u forensika, il-Qorti llum mistennija tkompli tisma’ aktar xhieda fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Wara li l-ewwel ġimgħa tal-ġuri għalqet b’xhieda tal-esperti tal-qorti, il-Prosekuzzjoni mistennija tkompli tippreżenta l-evidenza tagħha quddiem il-ġurija. Ilbieraħ intemmet ix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, li wara erbat ijiem fuq il-pedana tax-xhieda, temm ir-rendikont dettaljat tiegħu dwar l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest u l-akkuża ta’ Yorgen Fenech.
Arnaud wieġeb għal jiem sħaħ ta’ mistoqsijiet mill-Prosekuzzjoni, mid-Difiża u, fl-aħħar tas-smigħ tiegħu, ukoll mill-ġurati. Matul il-jum tal-bieraħ, il-ġurati semgħu wkoll ix-xhieda tas-Supretendent Antoine Cilia u tal-Kuntistabbli Malcolm Cefai, li kienu fost l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija li waslu fuq il-post tal-isplużjoni fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017.
It-tnejn iddeskrivew ix-xena makabra li sabu mal-wasla tagħhom, filwaqt li spjegaw l-ewwel passi li ttieħdu biex tiġi prisergvata x-xena tad-delitt u tinġabar l-evidenza. Aktar tard, il-Qorti semgħet ix-xhieda taż-żewġ esperti forensiċi Marcel van Beest u Jeffrey Curmi.
Van Beest, li kien jagħmel parti mit-tim tal-Netherlands Forensic Institute li assista lill-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni, spjega fid-dettall kif ġiet ipproċessata x-xena tad-delitt, il-metodi użati biex tinġabar u tiġi ppreservata l-evidenza u l-analiżi li wasslet għall-konklużjonijiet dwar il-post u l-mod kif sploda l-apparat splussiv.
Min-naħa tiegħu, Curmi, eks Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta u espert fl-isplussivi, spjega kif tqabblu l-karatteristiċi tal-bomba użata fil-qtil ta’ Caruana Galizia ma’ apparati splussivi użati f’attakki oħra li seħħew f’Malta.
Huwa ta wkoll spjegazzjoni ġenerali dwar kif ikun magħmul apparat splussiv improvviżat u l-metodu tal-analiżi ta’ bomba wara splużjoni. Matul ix-xhieda forensika, il-ġurati raw ukoll għadd ta’ ritratti u dokumentazzjoni mix-xena tal-qtil, inkluż stampi li wrew il-ħsarat estensivi kkawżati mill-isplużjoni.
Il-ġuri llum huwa mistenni jkompli b’aktar xhieda hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-każ tagħha quddiem il-ġurija.
Fenech qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.









