L-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) llum immarkat mument importanti fl-iżvilupp tagħha hekk kif ġiet uffiċjalment assenjata l-binja tal-eks Ċentru tal-Eżamijiet ta’ Sant’Iermu, li se tiġi trasformata f’Ċentru nazzjonali ddedikat għall-ħolqien, il-kollaborazzjoni u l-iżvilupp tal-arti performattiva f’Malta mmexxi mill-istess entità.
L-iffirmar tal-ftehim sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Ramon Deguara u l-Mro Dominic Galea f’isem l-Aġenzija NAPA fil-preżenza tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici u l-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan il-proġett jirrappreżenta investiment strateġiku fl-infrastruttura kulturali tal-pajjiż u huwa pass importanti fil-viżjoni tan-NAPA li tipprovdi lill-artisti, lill-kumpaniji kulturali residenti u lis-settur kulturali b’ambjent professjonali li jiffaċilita l-kreazzjoni, ir-riċerka, il-prattika u l-innovazzjoni artistika.”
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea tenna li “l-kultura ma tikbirx biss bit-talent; tikber meta nagħtu lill-artisti l-ispazji, il-fiduċja u l-opportunitajiet li jistħoqqilhom. In-NAPA Performing Arts Centre huwa eżempju ċar tal-impenn tagħna li ninvestu fil-kreattività bħala waħda mill-akbar riżorsi nazzjonali ta’ Malta. Dan mhux investiment f’binja, iżda investiment fil-futur kulturali ta’ pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tan-NAPA, Mro Dominic Galea spjega li ċ-Ċentru se jkun ħafna aktar minn kwartieri amministrattivi. “Qed noħolqu dar permanenti għall-arti performattiva f’Malta – spazju fejn it-teatru, iż-żfin u l-mużika jiltaqgħu taħt saqaf wieħed, fejn l-artisti jkollhom il-faċilitajiet li ilhom jeħtieġu u fejn il-kollaborazzjoni ssir parti naturali mill-proċess kreattiv. Nirringrazzja lill-Gvern ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ fiduċja fin-NAPA u fl-arti performattiva. Illum mhux sempliċiment qed niftħu bieb ġdid, iżda qed nagħtu wiesa’ għall-ħolqien u magħha wiesa’ għall-futur tal-arti performattiva f’Malta.”
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli spjega kif dan il-proġett jimxi fuq il-passi tal-Istrateġija 2030. “L-artisti m’għandhomx bżonn biss opportunitajiet ta’ finanzjament; jeħtieġu wkoll infrastruttura professjonali li tippermettilhom joħolqu, jesperimentaw u jikbru. In-NAPA Performing Arts Centre jindirizza waħda mill-akbar ħtiġijiet li s-settur ilu jesprimi – il-bżonn ta’ spazji adegwati għall-ħolqien u r-rehearsals. Dan huwa investiment fil-professjonalizzazzjoni tas-settur u eżempju konkret ta’ kif infrastruttura kulturali ta’ kwalità tista’ twassal għal aktar kollaborazzjoni, aktar innovazzjoni u aktar eċċellenza artistika.”
Il-proġett għandu l-għan li jikkonserva u jagħti ħajja ġdida lil binja storika filwaqt li jwieġeb għall-ħtiġijiet dejjem jikbru tas-settur kulturali. Il-faċilitajiet ippjanati jinkludu studios professjonali għar-rehearsals, spazji għaż-żfin, teatru u mużika, kmamar għal-laqgħat, faċilitajiet tekniċi, faċilitajiet għar-riabilitazzjoni, uffiċini amministrattivi u spazji dedikati għall-edukazzjoni, workshops u involviment tal-komunità.
Iċ-ċentru huwa maħsub biex iservi lill-kumpaniji nazzjonali kulturali residenti, Teatru Malta, KorMalta u ŻfinMalta, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn artisti, organizzazzjonijiet kulturali, istituzzjonijiet edukattivi u msieħba internazzjonali.









