Malta bl-inqas satġjonalità fit-turiżmu fl-Unjoni Ewropea- Rapport tal-Eurostat

0
1

Ċifri, li ġew ippubblikati mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta kif l-investimenti li qed isiru mill-Gvern Malti fl-industrija tat-turiżmu qed iħallu r-riżultati mixtieqa.

Dan hekk kif pajjiżna hu l-inqas wieħed mis-27 stat membru fl-Unjoni Ewropea li hu dipendenti fuq l-istaġjonalità f’dan ir-rigward u l-wasliet tat-turisti u l-iljieli li jqattgħu fostna llum il-ġurnata prattikament huma mqassmin b’mod ugwali tul is-sena kollha.

Sa ftit ta’ snin ilu, għadd ta’ lukandi kienu jispiċċaw litteralment jagħlqu fil-perjodu tax-xitwa, flimkien ma’ postijiet oħrajn ta’ akkomodazzjoni, minħabba x-xottaġni ta’ turisti fostna, b’eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin jispiċċaw qegħda jew jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni, bħal tindif, tibjid u tikħil fl-istess postijiet biex ma jitilfux l-impjieg.

Bil-maqlub, illum, din it-tendenza nbidlet totalment, kif tiddikjara l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, stess, f’dawk li kienu jissejħu x-“shoulder months” il-lukandi f’pajjiżna qed jirreġistraw żidiet sena wara oħra. Dan fl-istess ħin li wkoll żdiedu l-iljieli u l-infiq mit-turisti, kif jixhdu statistiċi tal-NSO.

Sadanittant mill-istatistika tal-Eurostat, jirriżulta li mat-22% biss tal-iljieli kollha li qattgħu t-turisti f’akkomodazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna s-sena l-oħra, li ġew irreġistrati f’Lulju u f’Awwissu, l-aktar xahrejn beżlin għas-settur turistiku fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Skont il-Eurostat stess, ir-rata medja Ewropea tal-iljieli li qattgħu t-turisti f’dawn ix-xahrejn kienet ta’ iżjed minn 31% jew 9% iżjed mir-rata ta’ Malta.

B’differenza, il-Kroazja kienet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kellha konċentrazzjoni ta’ turisti f’dawn ix-xahrejn tas-sajf, b’aktar minn nofs l-iljieli kollha rreġistrati fihom. Wara ġew il-Bulgarija u l-Greċja bl-aktar konċentrazzjoni ta’ turisti f’Lulju u Awwissu.

Iċ-ċifri Ewropej jikkonfermaw kif Malta qed jirnexxielha, iżjed minn oħrajn, tibbilanċja d-domanda turistika matul is-sena kollha u spiċċat il-perċezzjoni li tiġi hawn biss għat-temp sabiħ u l-baħar.

Fil-miri tiegħu għas-snin li ġejjin, inkluż bil-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern Malti wkoll qed jimbotta biex l-esperjenza li tingħata lit-turisti f’pajjiżna tkun waħda unika bbażata fuq il-kultura u t-tradizzjonijiet, fost oħrajn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here