Is-Sindku ta’ Sannat jiċħad li kien hu li ordna x-xogħlijiet f’Marsalforn

0
1

F’kuntatt li dan is-sit għamel mas-Sindku ta’ Sannat Philip Vella dwar ix-xogħlijiet li saru b’mod illegali f’Marsalforn, ċaħad li kien hu li ta l-ordni biex dan isir.

Il-midja tal-Partit Nazzjonalista qiegħda tirraporta li sorsi tagħha qegħdin jgħidu li kien Vella li ta l-ordinijiet, iżda ma’ dan is-sit, is-Sindku qal li “fl-ebda ħin u fl-ebda okkażjoni ma tajt sturzzjonijiet jew ordnajt biex issir xi ħaġa bħal dik.”

Kien nhar it-Tlieta li għadda meta qrib l-Otters f’Marsalforn dehru grupp ta’ ħaddiema, fejn bdew jagħtu l-konkos lil parti mill-blat li hemm.

L-għada f’kummenti ma’ dan is-sit, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “kif ġejt informat b’dan ix-xogħol li ma kontx infurmat bih, tlabt għal aktar informazzjoni. Il-platform ma kinitx koperta bil-permessi u lanqas kellha awtorizzazzjoni biex issir… Għalhekk dalgħodu stess din bdiet titneħħa.”

Intant fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li tibqa’ impenjata li tieħu azzjoni immedjata kontra kull forma ta’ żvilupp illegali, speċjalment f’żoni sensittivi bħall-kosta.

Minnufih kif l-Awtorità ġiet infurmata bis-sitwazzjoni ġewwa Marsalforn, ittieħdet azzjoni immedjata mill-Uffiċjali tal-Infurzar fi ħdanha.

L-uffiċjali kienu fuq il-post fis-7:30am, u fi ftit minuti kien diġà beda x-xogħol biex jitneħħa l-materjal li tpoġġa illegalment ilbieraħ.

“Ix-xogħol ta’ tneħħija qiegħed isir b’mod immedjat sabiex il-post jiġi rripristinat għall-istat oriġinali tiegħu fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li l-Awtorità tkompli ssegwi l-każ skont il-proċeduri applikabbli,” tgħid l-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan is-sit żar il-post u uffiċjali li qegħdin josservaw li jitneħħa l-konkos qalulna li kollox qiegħed isir bil-galbu u s’issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-blat ta’ taħt saritlu xi ħsara.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here