L-Istati Uniti u l-Iran ikomplu bl-ostilita kontra xulxin

0
1

L-Istati Uniti u l-Iran komplew bl-ostilita u skambjaw rawnd ieħor ta’ attakki matul il-lejl. L-Istati Uniti nedew attakki mill-ajru ġodda fuq l-Iran, li Donald Trump qal li kienu “bi tpattija” għall-ibbumbardjar fuq il-vapuri mill-Iran.

Il-Kmand Ċntrali tal-Istati Uniti (Centcom) qal li kien laqat madwar 90 mira Iranjana fl-aħħar rawnd ta’ attakki, li qal kienu mfassla biex ikomplu jdgħajfu l-kapaċità tal-Iran li jattakka t-tbaħħir kummerċjali u baħħara ċivili innoċenti fl-Istrett ta’ Hormuz.

Sigħat wara li ġew irrappurtati l-attakki, il-president tal-Istati Uniti qal lill-ġurnalisti abbord l-ajruplan presienzjali Air Force One li uffiċjali Iranjani ċemplu biex jagħmlu ftehim iżda sostna li ma kienx ċert jekk l-Iranjani humiex “denji” ta’ ftehim.

Diversi nazzjonijiet tal-Golf irrappurtaw aktar attakki u dan inkluda splużjonijiet fil-kapitali tal-Bahrain, Manama, il-Kuwajt li interċetta missili u drones u l-Qatar li ħareġ twissija ta’ sigurtà.

Il-kelliem parlamentari tal-Iran, Mohammad Bagher Ghalibaf, li huwa wkoll in-negozjatur ewlieni tal-pajjiż mal-Istati Uniti, qal fuq il-pjattaforma X li l-Amerika “għadha ma tgħallmitx li l-bullying u l-ksur tal-wegħdiet m’għadhomx valur”.

L-aħħar rawnd ta’ attakki wasal wara li l-Istati Uniti qalet li kienet laqtet aktar minn 80 mira f’attakki mmirati nhar it-Tlieta b’reazzjoni għall-attakki Iranjani fuq vapuri kummerċjali fl-Istrett ta’ Hormuz.

Waqt is-summit tan-NATO f’Ankara, t-Turkija, Trump ġie mistoqsi dwar l-istat tal-waqfien mill-ġlied u qal jaħseb li l-ftehim spiċċa. Huwa ddeskriva lill-Iranjani bħala “ħmieġ” u “nies morda”.

Il-ministru tal-affarijiet barranin tal-Iran wieġeb, billi qal li l-iran ma jweġibx għall-vulgarità bil-vulgarità, iżda bl-azzjoni bla biża’ u b’kuraġġ kbir.

Sadanittant, wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, il-prezzijiet taż-żejt żdiedu b’1% fl-Asja, u komplew jiżdiedu wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal nhar l-Erbgħa li l-ftehim ta’ paċi mal-Iran kien “spiċċa”.

Iż-żieda fil-prezzijiet qed isseħħ wara li l-Iran attakka vapuri tul l-Istrett ta’ Hormuz u ġedded il-biżgħat ta’ aktar tfixkil fil-provvisti globali tal-enerġija mill-Lvant Nofsani.

Il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent żdied għal madwar $78.80 il-barmil, filwaqt li ż-żejt innegozjat fl-Istati Uniti tela’ b’rata simili għal $74.30. Il-prezz taż-żejt żdied qrib il-livelli li kienu f’nofs Ġnju li għadda qabel ma l-Istati Uniti u l-Iran ħabbru ftehim interim biex jiddiskutu t-tmiem tal-kunflitt.

Madankollu, il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt għadhom ferm taħt l-ogħla livelli li dehru matul l-istadji bikrija tal-gwerra, meta laħqu kważi $120 il-barmil.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here