Monday, April 22, 2024

“INVESTEJNA B’MOD B’SAĦĦTU FIL-FAĊILITAJIET SPORTIVI U FIT-TAĦRIĠ TAL-ATLETI TAGĦNA”

Il-Prim Ministru jiftaħ uffiċjalment id-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’indirizz li għamel waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa llejla, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija lesta biex tilqa’ dan l-avveniment sportiv internazzjonali.

Huwa qal li qegħdin inħarsu lejn ġimgħa mill-isbaħ, ġimgħa fejn l-atleti tagħna u ta’ tmien pajjiżi oħra juru t-talenti tagħhom fi 11-il dixxiplina sportiva. Huwa kompla billi qal li bħala pajjiż investejna b’mod rekord. “Mhux biss biex nilqgħu lit-tmien pajjiżi bl-aħjar mod, iżda investejna wkoll b’mod mill-aktar b’saħħtu fil-faċilitajiet sportivi, u fit-taħriġ tal-atleti tagħna.”

Il-Prim Ministru qal li jinsab konvint li l-infrastruttura sportiva li nbniet u li jridu jibqgħu jsaħħu, se tkun wirt ta’ faċilitajiet li sservi u taqdi l-ħtiġijiet għaż-żmien li ġej. B’hekk il-legat tal-logħob itul ferm iktar mid-data tat-3 ta’ Ġunju.

Lill-atleti Maltin, huwa kellu messaġġ wieħed: Aħna warajkom u bil-prestazzjonijiet tagħkom, konvint li se tkunu ta’ ispirazzjoni għall-atleti ta’ għada, għat-tfal Maltin li se jsegwukom.

Fil-messaġġ tiegħu lill-atleti barranin, huwa tenna jgħid li jinsab sodisfatt li jinsabu f’pajjiżna għal dawn il-logħob. Huwa qal li għandna ħafna affarijiet komuni fosthom li aħna pajjiżi żgħar iżda b’qalb kbira.

Il-Prim Ministru sostna li dawn il-logħob iservu ta’ opportunità perfetta biex juru kif l-isport jista’ joħroġ l-aħjar tagħna u l-valur li naqsmu flimkien: dawk tal-ugwaljanza, it-talent, il-paċi u l-fair play. Valuri sbieħ li se niċċelebraw flimkien matul din il-ġimgħa.

Huwa nnota wkoll li dawn huma l-ewwel logħob li qed jiġu organizzati wara l-pandemija tal-Covid-19, li ħalliet marka fid-dinja kollha, anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport. Għalhekk irridu nagħmlu l-almu tagħna kollu f’dawn il-logħob.

“Intom l-atleti li qed tieħdu sehem, intom l-ispirazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li għandhom ix-xewqa li jikkompetu f’dawn il-logħob u anke oħrajn ikbar. Illum, intom tinsabu f’pajjiż li jgħaqqad id-diversità u l-inklużjoni. Storikament u kultaralment, aħna pajjiż u poplu ospitabbli,” tenna l-Prim Ministru.

“Ninsab tassew onorat li Malta qed tospita dawn il-logħob, u ninsab kburi dwar kif l-isport qed jikber f’pajjiżna, f’termini ta’ talent, faċilitajiet u l-kultura sportiva b’mod inġenerali.”

Finalment huwa rringrazzja lill-organizzaturi ta’ dan l-avveniment, li lkoll ħadmu qatigħ biex jittella’ programm ta’ ġimgħa sħiħa u aktar minn hekk, li se jgħaqqadna lkoll flimkien fi spirtu ta’ valuri li naqsmu bejnietna.

Huwa rringrazzja wkoll lid-dinjitarji li ġew f’pajjiżna għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Dan filwaqt li awgura lill-parteċipanti kollha se jieħdu f’dan il-logħob u qal li jifhem li ilhom ġimgħat u xhur jippreparaw u jittrenjaw għalihom.

Sport