Wednesday, April 24, 2024

Investigazzjoni ma issib ebda ksur ta’ liġi fit-traqqid ta’ klieb

Aqra wkoll

Id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali aġixxa skont il-liġi u skont il-proċedura operattiva stabbilita meta bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena traqqdu numru ta’ klieb li allegatament urew imġieba aggressiva u severa.

Dan irriżulta minn investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsen tal-Annimal wara li saret talba mill-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali fl-20 ta’ Awwissu ta’ din is-sena.

Hekk kif dan ir-rapport ġie ppubblikat, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fi stqarrija qal li l-ismijiet tax-xhieda ġew imneħħija biex tiġi protetta l-identità ta’ dawk li kkontribwew għall-investigazzjoni. Dan sar biex jiġi evitat diskors inaċċettabbli fuq il-midja soċjali li kien irriżulta qabel u matul l-investigazzjoni.

Il-bord investigattiv tal-Kummissarju għamel riċerka fil-fond dwar x’wassal għall-ewtanasja tal-klieb, u jekk id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali mexiex skont il-liġi u skont il-proċedura operattiva stabbilita.

L-investigazzjoni eżaminat ukoll l-opinjoni pubblika u t-tħassib, ikkonsultat ma’ esperti fil-qasam, u fl-aħħar ipprovdiet diversi rakkomandazzjonijiet għall-aħjar prattiki.

Intant, il-Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji(VSC) intalab ukoll jinvestiga lill-Kirurgu Veterinarju tad-Direttorat. Fl-istqarrija jingħad li l-Kunsill tal-Kirurgu Veterinarju ma sab ebda forma ta’ prattika ħażina, kondotta ħażina, jew ksur ta’ etika mill-kirurgu veterinarju in kwistjoni.

Ir-rapport jinnota wkoll li fl-aħħar xhur sar titjib sinifikanti iżda żied jgħid li d-Direttorat għandu riżorsi limitati għax-xogħol tiegħu u għaldaqstant jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi umani. 

Hemm diversi rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport li jinkludu s-suġġerimenti tal-kontributuri tal-investigazzjoni. Fost dawn hemm li l-istandard operating procedure 2019 ta’ klieb perikolużi għandu jkun aġġornat, li l-impjegati li jaħdmu mall-annimali għandhom jingħataw aktar taħriġ u li klieb li ġieli kienu agressivi għandhom imorru fuq mixjiet ma’ voluntiera u impjegati b’esperjenza.

Sport