Saturday, April 27, 2024

Investiment fix-xhur tas-sajf għal ambjent aħjar fl-iskejjel

Aqra wkoll

Matul ix-xhur tas-sajf, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għaddej b’xogħol ta’ manutenzjoni, tisbiħ u modernizzar fl-iskejjel kollha li jiffurmaw il-kulleġġi skolastiċi madwar il-pajjiż. Dan ix-xogħol – li huwa apparti xogħol ieħor li għaddej f’dik li hija infrastruttura edukattiva ta’ bini ta’ skejjel ġodda, modernizzar u tkabbir ta’ oħrajn – huwa investiment ieħor f’uliedna li jlaħħaq il-miljun ewro.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar uħud mill-iskejjel li fihom qed issir manutenzjoni. Ġie spjegat li matul is-sena kollha, grupp dedikat ta’ ħaddiema jieħdu ħsieb dan ix-xogħol biex l-ambjent edukattiv dejjem ikompli jitjieb.

“Mill-bidu tal-għeluq tas-sena akkademika għall-vaganzi tas-sajf, kif nagħmlu kull sena, ħadna l-okkażjoni biex ix-xogħol nibqgħu għaddejjin bih matul il-ġurnata kollha. Ix-xogħol fl-infrastruttura edukattiva jinkludi wkoll il-bini ta’ skejjel ġodda, estensjonijiet u tisbiħ ieħor, u għandna wkoll grupp ta’ ħaddiema li b’impenn jaraw li dan ix-xogħol jibqa’ għaddej ukoll,” qal il-Ministru Grima.

Ix-xogħol ta’ manutenzjoni jsir skont il-bżonnijiet ta’ kull skola u jvarja minn tikħil, tibjid u twaħħil ta’ madum, tibdil ta’ suffitti u tisbiħ ta’ uffiċċji u klassijiet, sa installazzjonijiet ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda, kif ukoll tibdil ta’ membranes u aperturi. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel jibqa’ għaddej matul is-sena kollha, iżda jintensifika meta l-iskejjel jingħalqu fis-sajf u matul dan il-perjodu jsir xogħol li ma jkunx jista’ jsir waqt li t-tfal ikunu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom.

“Qed isir investiment massiċċ fl-infrastruttura edukattiva. Investiment li se naraw il-frott tiegħu fix-xhur li ġejjin, meta fil-ftuħ tas-sena akkademika li jmiss mijiet ta’ tfal u edukaturi se jgawdu minn skejjel ġodda, b’ambjent xieraq. Fost dawn hemm il-Kumpless edukattiv tar-Rabat, Għawdex, l-iskola tar-Rabat f’Malta, l-iskola tal-Imsida, dik ta’ Ħal Għaxaq kif ukoll faċilitajiet sportivi ġodda u sala fl-iskola ta’ Santa Luċija,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima rringrazzja lill-ħaddiema kollha li għaddejjin b’dan ix-xogħol li permezz tiegħu se jgawdu l-edukaturi u l-istudenti kollha għaliex kif tibda s-sena skolastika li jmiss se jsibu ambjent edukattiv imtejjeb.

Sport