Tuesday, December 24, 2024

Investiment ieħor ta’ €8 miljun fil-Forzi Armati ta’ Malta

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €8 miljun ġie finalizzat proġett maħsub biex itejjeb il-kapaċitajiet tal-ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan huwa investiment ieħor wara li sena ilu ġew investiti €53 miljun għal bastiment P71.

Il-FAM għandhom tliet ajruplani tal-għamla KingAir u l-proġett ta’ tiġdid fis-sistemi ta’ wieħed minnhom, iffinanzjat parzjalment ukoll minn fondi tal-Unjoni Ewropea, jaħseb biex l-ajruplan ikollu għodod aħjar biex jaqdi funzjonijiet usa’ waqt titjiriet fuq il-baħar. L-immodernizzar tas-sistemi elettroniċi tal-ajruplan wassal ukoll biex jiżdiedu sew il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni.

F’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li t-tisħiħ tal-fergħa tal-ajru tal-Forzi Armati huwa parti minn proċess ta’ investiment li l-Gvern għamel matul l-aħħar snin. Dan l-aħħar investiment se jsaħħaħ l-isforzi tal-Gvern fil-ġlieda kontra t-traffikar uman, it-tiftix u salvataġġ fost oħrajn.

Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għall-ħidma tal-Gvern biex itejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-membri tal-Forzi Armati fosthom bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema kollha, it-tisħiħ tal-pensjoni tas-servizz u kif ukoll li għall-ewwel darba se jingħata bonus addizzjonali għall-għoli tal-ħajja ekwivalenti għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill qal li l-proġett kien xprunat mill-obbligu li l-forzi armati għandhom bħala l-awtorità nazzjonali b’kapaċitajiet marittimi operattivi sinifikanti. Qal li bit-tiġdid tas-sistema tal-KingAir, il-FAM qed tkompli twettaq ħidma importanti.

Ekonomija

Sport