Tuesday, May 14, 2024

Investiment ta’ €20 miljun f’faċilità ġdida f’Ħal Far għall-irkupru tal-iskart

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €20 miljun ġiet inawgurata faċilità ġdida f’Ħal Far li se tkun qed ittejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna billi jiġu rkuprati materjali differenti, li jiġu esportati biex isiru prodotti oħra u b’hekk jonqos l-iskart.

Il-Multi Material Recovery Facility (MMRF), parzjalment iffinanzjata minn fondi Ewropej, ġiet inawgurata llum mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius.

L-MMRF huwa ddisinjat biex jaċċetta flussi ta’ skart bħall-injam, saqqijiet, polystyrene, tyres u tessuti. B’din il-faċilità se jkunu qed jiġu trattati ċertu materjali biex jerġgħu jkunu introdotti fl-ekonomija ċirkolari kif ukoll tippermetti l-esportazzjoni tal-istess materjali b’inqas impatt fuq l-ambjent.

Barra minn hekk, il-faċilità se sservi bħala faċilità għall-ħażna tal-iskartta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) li Wasteserv tirċievi fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan huwa jum sinfjikanti għas-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta. Dan hekk kif qed inkomplu nistabbilixxu sistema sostenibbli tal-immaniġġjar tal-iskart li tippromwovi s-separazzjoni tal-iskart u tinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid tal-materjali.

Hija qalet li dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jaħdem fuq is-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart bi prijorità, bil-għan li jintlaħqu l-miri u l-għanijiet, sabiex tiġi żgurata l-ekonomija ċirkolari u inqas skart fil-miżbliet.

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li dan l-investiment jikkumplimenta l-investiment ta’ €500 miljun li għaddej bħalissa fil-Kumpless ECOHIVE. Dan il-kumpless se jkun qed jinkludi faċilitajiet ġodda għall-ipproċessar tal-iskart, u li se jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-pajjiż f’dan il-qasam.

Il-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevičius stqarr li: “Ninsab kuntent nara li l-fondi Ewropej qed jiġu utilizzati biex jgħinu lil Malta fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Din il-faċilità se tirritorna eluf ta’ tunnellati ta’ materjalriċiklabbli ta’ kwalità tajba lura fl-ekonomija. Inħares ‘l quddiem għal aktar proġetti ffukati biex jitnaqqas l-iskart li jintrema fil-miżbliet.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega kif dan l-investiment t’€20 miljun, parzjalment iffinanzjat mill-FondiStrutturali u ta’ Investiment Ewropej, huma xhieda ta’ dak li nistgħu niksbu jekk norbtu flimkien ir-responsabilità u l-innovazzjoni.

“L-MMRF huwa investiment fl-ambjent, fis-saħħa u fil-futur tagħna. Jissimbolizza l-impenn li għandu dan il-gvern li flimkien mal-użu tal-Fond tal- Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea ninvestu f’ proġetti li jwittu triq għal-futur tal-ġenereazzjonijiet ta’ warajna. Komess li naħdmu id f’id sabiex bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej l-objettivi ta’ dan il-proġett jirriflettu l-isforzi tagħna biex inkunu innovattivi u responsabbli fil-ħidma u nagħmlu qabżiet kbar ‘il quddiem fis-sostenibilità.”

Il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta tjiebet bis-saħħa tal-fondi mill-UE
Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet b’mod pożittiv l-inawgurazzjoni tal-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far, liema proġett ibbenefika minn €11.4-il miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni. Il‑Faċilità mistennija tirkupra kważi 20,000 tunnellata ta’ skart sal-2029.

Id-dipendenza fuq il-miżbliet titfa’ pressjoni fuq l-ambjent, l-infrastruttura u l-istrutturi ekonomiċi ta’ Malta. Dan il-proġett mistenni li jnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u jippermetti użu aktar effiċjenti tal-art, u dan huwa essenzjali biex l-iskart jiġi użat mill-ġdid u rkuprat kemm jista’ jkun, f’konformità mad-direttivi nazzjonali u Ewropej.

“Il‑Faċilità se tkun ta’ għajnuna konkreta biex tgħin lil Malta fi triqitha biex tnaqqas il-volum ta’ skart li jmur fil-miżbliet, biex b’hekk igawdu l-poplu u l-ambjent,” stqarret il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira.

Sport