Tuesday, May 14, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: L-erba’ timijiet Maltin kollha jikkwalifikaw għall-kwarti finali

Aqra wkoll

Illum, waqt l-ħdax -il jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija,  Malta ma setax ikollha riżultat aħjar meta l-erba’ timijiet kisbu post fil-kwarti finali li ser isiru aktar tard wara nofs n-nhar.

L-ewwel tim tal-irġiel ta’ Malta iffurmat minn Aaron Busuttil u Isaac Borg għalkemm tilfu 3-2 kontra t-tieni tal-Polonja ta’ Tomasz Skalski u Marcin Nitschke, xorta ikkwalifikaw għall-kwarti finali. Wara li tilfu l-ewwel żewġ frames l-koppja Maltija rebħu l-logħba tad-doubles filwaqt Aaron Busuttil għalaq l-aħħar frame bil-kbir meta wettaq break ta’ 102 punti biex issa ssupera’ dak ta’ Malti ieħor, Joseph Casha li kien ta’ 95 punt.

It-tieni tim Malti tal-irġiel, dak ta’ Chris Peplow u Joseph Casha, kien l-aktar tim li kellu pressjoni għal fatt li rebħa ta’ 4-1 jew aħjar kienet tiggarantilhom post fil-kwarti finali. Huma kellhom konfront dirett kontra t-tielet team tal-Ukranja ta’ Mykhailo Larkov u Petro Sydorenko iżda t-tragward intlaħaq wara li kisbu rebħa ta’ 4-1. Huma tilfu biss it-tieni frame iżda minn hemm ‘il quddiem komplew jissieltu biex kisbu kwalifikazzjoni mistoqqa.

Iż-żewġ timijiet tal-Maltin tas-Seniors rebħu ż-żewġ logħbiet tagħhom ukoll. L-ewwel tim Malti dak ta’ Alex Borg u Duncan Bezzina rebħu 3-2 kontra l-uniku tim Skoċċiz iffurmat minn Craig Barber u Lee McAllister. Il-frames mirbuħa mill-Maltin kienu waqt is-singles, tnejn ta’ Bezzina u wieħed ta’ Borg. 

It-tim l-ieħor Malti tas-Seniors ta’ Philip Ciantar u Arthur Cachia rebħu 4-1 l-uniku tim Taljan ta’ Gennaro Carlone u Tiziano Guerra. It-tim Malti tilef biss l-aħħar frame meta kien diġq jinsab 4-0 min fuq. B’din ir-rebħa l-koppja Philip Ciantar u Arthur Cachia rebħu wkoll il-grupp tagħhom.

Issa kwarti finali ser jintlagħbu ftit tal-ħin ieħor fit-3 p.m., ħin ta’ Malta. Dawn ser jsiru fuq l-aħjar minn seba’ frames.

It-timijiet Maltin ser jilgħabu hekk:

Aaron Busuttil u Isaac Borg (Malta 1) vs Polonja 3 (Michal Kotiuk – Jakub Chromy)

Chris Peplow u Joseph Casha (Malta 2) vs Iżrael 1 (Shachar Ruberg – Eden Sharav)

Alex Borg u Duncan Bezzina (Malta Seniors 1) vs Wales 1 (Darren Morgan – Philip Williams)

Philip Ciantar u Arthur Cachia (Malta Seniors 2) vs Ingilterra 2 (Stephen Delaney  Graham Beardmore)

F’każ li t-timijiet tal-Irġiel kif ukoll tas-Seniors jirbħu jiltaqgħu flimkien fis-semi-finali.

Sport