Friday, April 19, 2024

Investiment ta’ €25,000 f’faċilità għall-eżerċizzju fiżiku fil-miftuħ fl-Imqabba

Aqra wkoll

Investiment ta’ €25,000 mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, bis-sehem ta’ SportMalta u tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, wassal biex parti minn Ġnien Tfal ir-Raħal fl-Imqabba tinbidel f’faċilità għall-eżerċizzju fiżiku li minnha se jibbenefikaw b’mod partikolari t-tfal u l-ġenituri tagħhom.

Ix-xogħol li sar jikkonsisti minn tliet magni tal-gym, ikkumplimentat minn xogħlijiet ta’ tisbiħ madwar il-ġnien kollu.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żaru din il-faċilità u esprimew sodisfazzjon għall-mod kif SportMalta qed tidentifika spazji miftuħin f’diversi lokalitajiet li jkunu jistgħu jinbidlu f’faċilitajiet fil-miftuħ għall-eżerċizzju fiżiku.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Illum qegħdin ninawguraw spazju mhux biss rikreattiv imma li huwa mgħammar b’apparat biex ikunu jistgħu jsiru eżerċizzji fiżiċi li ċertament huma strumentali għaż-żamma ta’ ħajja sana”, filwaqt li żiedet tgħid li kull investiment f’saħħet il-poplu jiswa mitqlu deheb u l-gvern mhux se jżomm lura milli jibqa’ jagħmel dan. 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li l-gvern qiegħed iwettaq bil-għan li jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin. Qal li dawn il-proġetti jikkonfermaw ir-rieda tal-gvern li jippremja lill-familji b’aktar bilanċ u ħin iddedikat għall-eżerċizzju fiżiku. “Il-familji Maltin u l-attività fiżika huma fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-gvern, kommessi li l-eżerċizzju fiżiku jsir in-norma fost il-Maltin minn età żgħira,” ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li l-attività fiżika tilgħab parti importanti fil-ħajja ta’ dak li jkun. Il-benefiċċji li persuna tkun fiżikament attiva huma ħafna sabiex tgħix stil ta’ ħajja sana. Dawn il-faċilitajiet jgħinu sabiex nassiguraw li jinħolqu aktar opportunitajiet fejn wieħed jista’ jagħmel attività fiżika fil-miftuħ. SportMalta qed twettaq il-missjoni tagħha billi taħdem id f’id mal-kunsilli lokali biex tgħin lill-pubbliku ġenerali jsib spazji miftuħa biex jitħarreġ qrib id-dar.

Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia saħaq li b’dan l-investiment qed nagħtu lura l-ħajja lil Ġnien Tfal ir-Raħal. “Dan il-proġett ser iservi bħala spazju ieħor ta’ rikreazzjoni għar-residenti u għal dawk li jiġu jżuruna, filwaqt li fl-istess ħin jistgħu jagħmlu wkoll eżerċizzju fiżiku sabiex inkomplu nippromwovu l-importanza li lkoll kemm aħna nieħdu ħsieb saħħitna”.

Sport