Aġenzija Sapport qed twettaq xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ u xogħol strutturali fil-binja tagħha f’Għajnsielem, Għawdex, li ilha tospita s-servizzi tal-aġenzija sa mill-2015. Dan l-investiment, li jlaħħaq madwar €350,000, għandu l-għan li jtejjeb u jkabbar l-ispazji minn fejn jingħataw servizzi essenzjali lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Żaru x-xogħlijiet li għaddejjin, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv t’Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Bħalissa, minn dan il-post qed jiġu offruti servizzi ta’ matul il-jum kif ukoll jintlaqgħu applikazzjonijiet għal diversi skemi u servizzi relatati mal-qasam tad-diżabilità f’Għawdex. Permezz tal-estensjoni li qed issir, se jiżdiedu servizzi ġodda bil-għan li tingħata aktar għajnuna lil dawn l-individwi u l-familjari tagħhom. Barra minn hekk, ser jinħoloq spazju apposta għall-NGO Voice for Inclusion, li tkun tista’ topera u tipprovdi s-servizzi tagħha b’mod iktar effettiv.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-għaqda Voice for Inclusion, Pauliana Said, fissret kif dan il-proġett se jfisser servizz ferm aktar imtejjeb għal dawk li jaħdmu mill-qrib magħhom. “Dan huwa proġett importanti ferm għal Għawdex, li mhux biss isaħħaħ is-servizzi disponibbli għall-persuni b’diżabilità, imma wkoll jiżgura li l-Għawdxin jingħataw l-istess aċċessibilità għas-servizzi li bħalissa jinsabu f’Malta. L-iffukar fuq l-inklużjoni u l-ugwaljanza hu essenzjali, u l-fatt li Voice for Inclusion ser ikollha post minn fejn topera jippermettilna nkomplu naħdmu aktar mill-qrib mal-komunità, nappoġġaw lill-persuni b’diżabilità u nkomplu nsaħħu l-vuċi tagħhom f’kull livell tas-soċjetà.”
Fost il-proġetti ewlenin li qed jitwettqu, ser jinħolqu wkoll faċilitajiet ta’ għajxien indipendenti (community hub) fejn is-servizz tal-My Programme ta’ Aġenzija Sapport ser ikun jista’ joffri interventi individwali lill-persuni b’diżabilità. Dan il-kunċett huwa simili għal dak li diġà qed jitħaddem fiż-Żurrieq u r-Rabat f’Malta.
Grazzi għal dan l-investiment, is-servizzi f’Għawdex ser ikomplu jissaħħu, inkluż dawk relatati mal-Blue Badge, Karta Ewropea tad-Diżabilità, Empowerment Scheme u skemi oħra relatati mal-vetturi.
Il-Ministru Julia Farrugia fissret l-importanza ta’ dan l-investiment filwaqt li spjegat kif il-Gvern ser ikompli jinvesti dak kollu li hemm bżonn favur it-tisħiħ tal-inklużjoni u l-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom. “Il-Gvern huwa determinat li jkompli jinvesti kemm hemm bżonn biex insaħħu s-settur tad-diżabilità u niżguraw li kull persuna b’diżabilità jkollha l-appoġġ, l-opportunitajiet u s-servizzi li jixirqilha. Dan l-investiment f’Għawdex huwa biss eżempju minn sensiela ta’ proġetti li qed inwettqu sabiex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom. Fl-istess waqt, qegħdin naħdmu biex nassiguraw li s-soċjetà tagħna tkun waħda verament inklussiva, fejn kulħadd jingħata l-għodda meħtieġa biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Aħna kommessi li nkomplu ninvestu f’dan is-settur sabiex ħadd ma jħossu mwaqqaf jew emarġinat, iżda jkun jista’ jgħix b’dinjità u awtonomija.”
Filwaqt li parti mix-xogħlijiet diġà tlestiet, bħal tikħil u żebgħa tas-soqfa kif ukoll alterazzjonijiet strutturali, bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ diversi tenders. L-aktar waħda imminenti hija t-tender għal xogħlijiet elettriċi li għandhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura elettrika tal-binja. Dan jinkludi l-installazzjoni ta’ cable dirett mis-substation tal-Enemalta, b’investiment stmat ta’ €75,000.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna spjega kif wara numru ta’ snin ta’ operat mill-Aġenzija minn dan il-post, l-Għajnsielem Learning Hub issa hu meqjus mill-Għawdxin bħala l-uffiċju ċentrali ta’ Aġenzija Sapport f’Għawdex. Għalhekk hu opportun li dan is-sit ikompli jiġi żviluppat sabiex ikompli jiċċentra s-servizzi tad-diżabilità f’Għawdex waqt li jagħmilha aktar faċli li s-servizzi mogħtija mill-Aġenzija f’Malta, ikomplu jiġu replikati f’Għawdex ukoll. Dan minbarra li tkompli tissaħħaħ u tiġi ċentralizzata l-ħidma fis-settur permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet nongovernattivi li jolqtu lill-istess persuni.
Dan il-proġett huwa pass importanti biex jiġu offruti aktar servizzi moderni, effiċjenti u aċċessibbli għal persuni b’diżabilità f’Għawdex, u biex ikompli jsaħħaħ il-ħidma ta’ Aġenzija Sapport f’din il-gżira.