Tuesday, December 24, 2024

Investiment ta’ €6 miljun biex jinbidlu l-uċuħ sintetiċi ta’ 68 ground tal-futbol

Aqra wkoll

Sa nofs is-sena d-dieħla mistenni li jkunu nbidlu l-uċuħ tal-ħaxix sintetiku ta’ tliet grounds tal-futbol filwaqt li ground ieħor ikun sarlu l-wiċċ għall-ewwel darba. B’hekk ikun beda jiġi implimentat ftehim, b’investiment ta’ €6 miljuni, li permezz tiegħu fuq medda ta’ tmien snin se jkunu qegħdin jinbidlu 55 wiċċ ta’ grounds tal-futbol f’Malta u 13 f’Għawdex. 

Il-ftehim għal dan l-investiment sar aktar kmieni din is-sena bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji. L-implimentazzjoni tal-ftehim se tkun fir-responsabbiltà tal-MFA filwaqt li l-investiment finanzjarju se jsir mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-ground tal-futbol ta’ Mqabba FC u li għaliha kienu preżenti wkoll il-President tal-MFA Bjorn Vassallo u l-President ta’ Mqabba FC.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan hu l-ikbar investiment li għamel il-gvern fit-tfal u żgħażagħ Maltin. Apparti minn hekk il-Ministru sostniet li dan l-investiment f’faċilitajiet sportivi aħjar, iservi biex jattira aktar tfal u żgħażagħ lejn il-faċilità, xi ħaġa li hi mioxtieqa għax huwa fatt li l-attivitajiet sportivi jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Apparti minn hekk, meta jiġi meqjus il-fatt li fil-maġġoranza assoluta postijiet bħal dawn huma amministrati b’mod volontarju, tali investiment iservi ta’ inkoraġġiment għall-ħidma volontarja għax ikun jirrifletti li ħidmet dawn in-nies qegħda tkun apprezzata kif jixraq. Minn dan l-investiment se jkunu qegħdin jibbenefikaw 68 klabb tal-futbol f’Malta u Għawdex kif ukoll assoċjazzjonijiet li huma membri tal-MFA.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif dan l-investiment  se jkompli jassigura li t-tfal u ż-żgħażagħ li jitħarrġu fil-futbol jagħmlu dan f’kundizzjonijiet professjonali u ta’ livell għoli.

Sostna wkoll li investimenti u proġetti ta’ din il-kwalità huma xhieda tal-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-isport għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin biex jagħmlu l-qabża fil-kwalità.

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-Malta Football Association, b’assistenza tal-gvern ċentrali, qed taħdem fuq proġetti biex tara l-football Malti jimxi ’l quddiem skont l-objettivi strateġici.

Ekonomija

Sport