Monday, May 6, 2024

Ippreżentata tifkira ta’ ringrazzjament għall-membri tal-Protezzjoni Ċivili li assistew il-poplu Tork

Aqra wkoll

F’attività organizzata fl-istazzjon tat-tifi tan-nar f’Kordin għall-membri tal-Protezzjoni Ċivili li assistew il-poplu Tork wara t-terremot ta’ Frar ta’ din is-sena, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri stqarr mal-ħaddiema preżenti kemm huwa kburi b’dak li twettaq fit-Turkija mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.

“Grazzi li kontu hemm għal ħaddieħor fil-bżonn daqs kemm tkunu lesti għal Maltin u l-Għawdxin f’Malta ta’ kuljum,” saħaq il-Ministru Camilleri filwaqt li żied jgħid li l-ħidma li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili Maltija wettqu ma’ tant familji fil-bżonn ġabet l-ammirazzjoni ta’ bosta.

Il-Ministru Camilleri sostna li minkejja li Malta huwa pajjiż żgħir, urejna il-progress kbir li sar fi l-Protezzjoni Ċivili li llum mhux biss għandha l-kapaċità li tkun tal-aqwa assistenza f’pajjiżna iżda wkoll barra minn xtutna. Dan kien imwieżen ukoll mal-fatt li l-poplu Malti u Għawdxi wieġeb b’tant saħħa għas-sejħiet li saru għall-għajnuna, fejn kienu bosta l-containers mimlijin bi provvisti li marru lejn it-Turkija u s-Sirja.

Waqt l-attività l-Ministru Byron Camilleri ppreżenta tifkira lil 38 uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ kelb ta’ salvataġġ bl-isem ta’ ‘Peppi’ li marru jew kienu ta’ assistenza kontinwa sabiex din l-għajnuna setgħet tingħata lill-poplu Tork.

Preżenti waqt din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Aġent Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro.

Sport