Ippubblikat Avviż Legali li jintroduċi ħlas immedjat ta’ multi għal persuni li mhumiex residenti f’Malta

Aqra wkoll

Ilbieraħ ġie ppubblikat Avviż Legali li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jinħarġu multi li jitħallsu immedjatament fuq il-post (on-the-spot fines) minn persuni li mhumiex residenti f’Malta. Dawn il-multi jkopru reati minuri u kontravenzjonijiet.

Din il-miżura tindirizza sfida li ilha teżisti meta, f’numru ta’ każijiet, multi maħruġa lil persuni li ma jkunux residenti fil-pajjiż jibqgħu ma jitħallsux. Bil-qafas legali l-ġdid, il-ħlas tal-multa jkun jista’ jsir immedjatament fil-ħin tal-kontravenzjoni u b’hekk jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi. Fl-istess ħin, jekk persuna ma tħallasx il-multa, jinżammilha l-passaport jew id-dokument ta’ vjaġġar.

Ta’ min jgħid ukoll li din il-liġi ma tneħħi xejn mid-dritt ta’ min iħallas il-multa li jressaq petizzjoni sabiex jikkontesta l-istess multa.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield, qal li din hija miżura oħra li tkompli ssaħħaħ il-ħarsien tal-ordni pubbliku u l-infurzar effettiv tal-liġijiet. “Malta tilqa’ miljuni ta’ viżitaturi kull sena u rridu nibqgħu niżguraw li kulħadd, kemm ir-residenti kif ukoll dawk li jżuru pajjiżna, jirrispettaw ir-regoli. Din il-miżura mhijiex kontra t-turisti, iżda favur il-ġustizzja u l-ugwaljanza quddiem il-liġi. Min jagħżel li ma jirrispettax ir-regoli għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tiegħu, irrispettivament minn fejn ikun ġej.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, sostna li l-Avviż Legali huwa pass ieħor lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva u ġusta. “Din il-miżura tagħlaq lakuna li kienet qed tfixkel l-infurzar tal-liġi u fl-istess ħin tissalvagwardja d-dritt ta’ kull persuna li tikkontesta l-multa fil-fora kompetenti. Qed inkomplu nibnu qafas legali modern li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u jżid il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja.”

L-Avviż Legali daħal fis-seħħ ilbieraħ bil-għan li jkompli jsaħħaħ l-infurzar tal-liġi, jippromwovi aktar responsabbiltà u jikkontribwixxi biex Malta tibqa’ pajjiż sigur, organizzat u li jilqa’ lil kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport