Friday, April 26, 2024

Ippubblikata ħarġa oħra tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’

Aqra wkoll

Kienet ippubblikata l-ħarġa oħra tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’. Għalkemm din hi r-raba’ ħarġa tal-2022, fil-verità din hi l-ewwel ħarġa ‘normali’ għal din is-sena, għaliex it-tlieta l-oħra kienu kollha speċjali.

F’April kienet ippubblikata ħarġa speċjali dwar it-80 anniversarju mit-Tieni Gwerra Dinjija fil-Furjana, kif ukoll l-ewwel festa parrokkjali mill-bidu tal-pademija tal-Covid 19. F’Mejju waħda dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta. Filwaqt li f’Ġunju nħarġet oħra wara r-rebħ tal-FA Trophy 2021-22 minn Floriana FC.

L-istorja ewlenija ta’ din il-ħarġa – li bħal dejjem hi stampata fuq karta speċjali u bil-kulur – hi dwar dak li seħħ fil-Furjana wara r-riżultat tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda. Referenza partikolari għall-ħatra tal-ex Sindku Davina Sammut Hili bħala MP u dik tal-eks Viċi Sindku, Vincent Borġ bħala s-Sindku l-ġdid tal-Furjana. Inħatru wkoll Viċi Sindku u Kunsillier ġodda.

Il-feature ewlieni ta’ din il-ħarġa, hu suppliment ta’ disa’ paġni dwar il-festa ta’ San Publju li din is-sena kienet iċċelebrata fl-1 ta’ Mejju li għadda. Festa storika għal diversi raġunijiet, fosthom għaliex minħabba x-xita l-purċissjoni kellha tinqata’ ħesrem. Dawn il-paġni huma mimlijin ritratti ta’ aspetti differenti tal-festa Furjaniża.

Feature ieħor f’din il-ħarġa hu dwar l-40 anniversarju mit-twaqqif tal-Floriana Ajax Sports Club f’Balzunetta. Prominenza ngħatat lis-suċċessi nazzjonali miksuba mit-timijiet tal-futbol u d-Darts ta’ dan il-Klabb.

‘IL-FURJANA’ ta’ Lulju tinkludi wkoll tislima lil żewġ Furjaniżi magħrufa li ħallewlna fl-aħħar ġimgħat. Dawn huma l-ex Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Żarb u l-Kit Manager tat-tim Nazzjonali tal-futbol, Mark Piscopo.

Din il-ħarġa għandha wkoll laqta barranija b’artiklu tal-antropologu Olandiż ta’ fama internazzjonali, il-Professur Adrianus Koster, dwar l-esperjenza li kellu fil-Furjana flimkien ma’ xi membri tal-familja tiegħu waqt il-festa ta’ San Publju 2022. Għall-Professur Koster din ma kenitx l-ewwel darba li attenda għall-festa tal-Furjana.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa tal-gazzetta Furjaniża, jistà jċempel fuq in-numru 79339649. Min jixtieq jabbona fl-istess gazzetta għal €5 fis-sena, jista’ wkoll iċempel fuq l-istess numru.

Sport