Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, nieda l-Istħarriġ dwar il-Parteċipazzjoni Kulturali 2026 – inizjattiva ta’ riċerka fuq livell nazzjonali maħsuba biex tifhem kif in-nies f’Malta u f’Għawdex jidħlu f’kuntatt mal-arti u mal-kultura fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
L-istħarriġ ser jesplora l-attivitajiet kulturali li n-nies jieħdu pjaċir jagħmlu, kemm-il darba jipparteċipaw fihom u l-fatturi li jinfluwenzaw l-għażliet tagħhom. Ser jeżamina wkoll l-isfidi li jistgħu jxekklu lin-nies milli jkollhom aċċess għal esperjenzi kulturali ħalli b’hekk jagħti informazzjoni siewja li tappoġġa l-politika u l-ippjanar kulturali fil-ġejjieni.
Filwaqt li jibni fuq edizzjonijiet preċedenti, inkluż studju komparabbli li sar fl-2016, l-istħarriġ ser joffri stampa aġġornata tal-parteċipazzjoni kulturali fil-Gżejjer Maltin. Ser jiġu intervistati mill-inqas 1,500 resident permezz ta’ kampjun rappreżentattiv ibbażat fuq l-età, is-sess u d-distrett.
Ir-riċerka tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kulturali: minn attendenza għal spettakli teatrali, kunċerti, mużewijiet, festivals u siti ta’ patrimonju kulturali sa parteċipazzjoni fil-mużika, fiż-żfin, fl-arti viżiva, fis-snajja’, fil-kitba u f’attivitajiet kreattivi oħra.
Ic-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Dr Luke Dalli qal: “Il-kultura hija parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din issawwar min aħna, tgħaqqad il-komunitajiet flimkien u tagħti lin-nies opportunitajiet biex jesprimu ruħhom. Madankollu jekk tassew nemmnu li l-kultura hi dritt għal kulħadd qabelxejn jenħtieġ nifhmu kif in-nies jinteraġixxu magħha u – daqstant ieħor importanti – x’jista’ jkun qiegħed iżomm lil oħrajn milli jipparteċipaw.
Dan l-istħarriġ mhuwiex sempliċiment dwar il-ġbir ta’ statistika. Huwa wkoll dwar li nisimgħu lin-nies, nifhmu l-esperjenzi tagħhom u niżguraw li d-deċiżjonijiet li nieħdu jkunu msejsa fuq ir-realtajiet tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ din ir-riċerka rridu nkomplu nibnu settur kulturali li jkun aktar inklużiv, aċċessibbli u kapaċi jirrifletti l-interessi u l-aspirazzjonijiet varji tan-nies f’Malta u f’Għawdex.”
Id-Direttur tal-Istrateġija fil-KMA stqarr li “l-Istrateġija 2030 tistabbilixxi direzzjoni ambizzjuża għas-settur tal-arti u l-kultura ta’ Malta filwaqt illi tirrikonoxxi r-rwol vitali tiegħu fit-tiswir tal-futur tal-pajjiż. Dan l-istħarriġ nazzjonali huwa pass kruċjali biex nifhmu kemm għamel progress is-settur, kif l-investiment ikkontribwixxa għat-tkabbir tiegħu u kif nistgħu nibnu fuq dan il-progress biex nimmassimizzaw l-impatt soċjali, kulturali u ekonomiku tiegħu fis-snin li ġejjin.”
L-istħarriġ jeżamina wkoll kif in-nies jinvolvu ruħhom mal-kultura permezz ta’ pjattaformi diġitali, id-drawwiet tal-qari u s-smigħ tagħhom, il-preferenzi lingwistiċi, il-volontarjat u l-għarfien tal-organizzazzjonijiet kulturali. Ser tingħata attenzjoni partikulari għall-fehim tal-ostakli għall-parteċipazzjoni, fosthom l-ispiża, il-ħin, l-aċċessibbiltà u t-trasport.
L-istħarriġ ser isir permezz ta’ intervisti bit-telefon bl-użu ta’ sistema ta’ intervisti bit-telefon assistiti mill-kompjuter (CATI) li tippermetti lir-riċerkaturi jiġbru informazzjoni mingħand ir-residenti f’Malta u Għawdex b’mod strutturat u konsistenti. Ladarba jitlestew l-intervisti t-tweġibiet jiġu analizzati biex jiġu identifikati xejriet ta’ parteċipazzjoni, differenzi bejn gruppi differenti tal-popolazzjoni kif ukoll oqsma fejn jistgħu jittejbu l-opportunitajiet għall-involviment kulturali.
Is-sejbiet ser jiġu ppreżentati f’rapport xjentifiku, akkumpanjat minn analiżi statistika u settijiet ta’ data anonimizzati. Dawn ser jipprovdu lill-organizzazzjonijiet kulturali, lir-riċerkaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi b’data nazzjonali aġġornata biex jifhmu aħjar l-udjenzi, jidentifikaw lakuni fil-parteċipazzjoni u jippjanaw inizjattivi li jirrispondu għall-bżonnijiet u l-interessi ta’ komunitajiet differenti.
L-istħarriġ jallinja mal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti li tpoġġi d-drittijiet kulturali, l-inklużjoni u l-aċċess fost il-prijoritajiet tagħha. Is-sejbiet ser jgħinu lill-Kunsill jidentifika lakuni fil-parteċipazzjoni u jiżviluppa inizjattivi li jagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għall-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Ir-riżultati mistennija jiġu ppubblikati fil-bidu tal-2027.
Għal aktar informazzjoni żur https://artscouncilmalta.gov.mt.




