Il-PL b’fact check dwar kontenut “leaked” mid-diskors ta’ Alex Borg

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista għamel fact check ta’ punti saljenti mid-diskors li ntqal li se jkun qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fir-replika tiegħu għall-Budget 2027.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal li filwaqt li Borg se jkun qed jgħid li t-tkabbir ekonomiku f’Malta ġej miż-żieda fil-popolazzjoni, il-Eurostat tgħid li l-ġid nazzjonali ras għal ras, jiġifieri aġġustat għaż-żieda fil-popolazzjoni, żdied bi 17% meta mqabbel mill-2019 għas-sena l-oħra. Iżda t-tkabbir madwar l-Ewropa huwa ta’ inqas minn 5%.

Argument ieħor li ntqal li se jagħmel Dr Borg, huwa dak li l-produttività mhix tiżdied u li l-ekonomija ta’ Malta hi waħda ta’ kwantità u mhux ta’ kwalità.

Madankollu, il-Ministru semma kif skont il-Eurostat, il-ġid nazzjonali ta’ Malta ras għal ras issa huwa ta’ 10% aktar mill-medja Ewropea.

Il-Ministru Bonnici qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jerġa’ jirrepeti l-argumenti tad-dejn u li għandna piż dejjem jikber ta’ imgħax fuq id-dejn nazzjonali iżda fil-fatt id-dejn meta mqabbel mal-ekonomija dejjem qed jonqos u l-piż tiegħu huwa taħt il-50% filwaqt li fi żmien Gvern Nazzjonalista kien jiżboq is-70%.

Kompla jgħid li Alex Borg se jikkritika punt żbaljat li skontu l-ispiża kapitali mhux se tikber daqskemm qed tikber l-ekonomija iżda l-investiment kapitali għas-sena d-dieħla hija waħda rekord ta’ €1.5 biljun, li tfisser aktar minn 5% tal-ġid nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Nigel Vella sostna li dan kollu mhux kwistjoni ta’ spin politiku jew interpretazzjoni politika iżda huwa ċar li l-Oppożizzjoni m’għandhiex kompetenza ekonomika.

Qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jidher li għadu ma fehemx l-irwol Kostituzzjonali tiegħu li jinvolvi li jservi bħala parti mis-sistema ta’ checks and balances.
Id-Deputat Laburista Vella qal li Alex Borg illejla se jgħid li l-kwalità tal-ħajja tan-nies sejra lura iżda l-Eurostat stess ippubblikat studju li juri li s-sodisfazzjon f’ħajjiet il-Maltin huwa ferm aqwa mill-medja Ewropea u kellna titjib sostanzjali tant li f’sena waħda tlajna fl-għaxar post fost il-pajjiżi kollha.
Id-Deputat Laburista Nigel Vella qal li llum se jkollna konferma oħra tajba dwar l-għażla li għamel il-poplu meta f’Mejju li għadda ma tax il-fiduċja tiegħu lil Alex Borg.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport