Aktar theddid fuq il-foss l-antik Ruman tal-belt il-qadima… issa jridu jwaqqgħu dar u proposta għal pixxina oħra

Aqra wkoll

Il-foss l-antik Ruman. Patrimonju li minkejja l-importanza tiegħu qiegħed ikun mhedded kontinwament. Il-ġlieda biex jitħares dan il-foss ilha għaddejja 23 sena.  Foss li fih għad hemm taħdem is-sistema antika Rumana tal-lima. Sistema li wieħed jista’ jaraha jekk jinżel fil-passaġġi ta’ taħt l-art u hi sistema li taqsam minn naħa għal oħra tar-Rabat. Imma quddiem dan, se nibqgħu b’theddid kontinwu f’din iż-żona? Se nibqgħu b’applikazzjoni wara oħra, jipproponu żviluppi li jħassru l-post, ibda minn dawk ta’ pixxina fil-foss Ruman, dak il-foss li llum hu mimli veġetazzjoni!.

It-theddid donna m’hemmx li jieqaf u issa tfaċċat applikazzjoni ġdida. Din id-darba hi biex titwaqqa’ dar antika fil-qalba tar-Rabat u li fil-parti li tiġi fil-foss Ruman, iridu li jagħmlu pixxina. Il-karba tar-residenti fiż-żona hi waħda ċara. Min se jħares dan il-patrimonju? Min se jħares il-foss Ruman? Se jibqgħu theddida wara theddida kull tant żmien? X’qiegħed iżomm biex dan is-sit jiġi mħares? Biex jibqa’ bla mittiefes. U dan biex mhux ingawduh aħna, imma jgawduh dawk ta’ warajna.

Jitkellmu ir-residenti

IT-TORĊA tkellmet ma’ residenti li jinsabu f’din iż-żona fl-aħħar jiem. Żona mimlija fdalijiet arkeoloġiċi fosthom għerien, li kull tip ta’ żvilupp li jsir, jista’ jkun ta’ dannu għal dawk li għandhom djarhom fuq dawn l-għerien.

Jgħidulna li “kien ta’ xokk kbir għalina ir-residenti li ngħixu qrib Sqaq Numru 1 fi Triq San Franġisk meta twaħħlet mal-ħajt  in-notifika ta’ dan l-iżvilupp fejn se jwaqqa’ d-dar numru 4 u jibni oħra  b’pixxina magħha. Bħala residenti mġarrbin u imbeżżgħin ma nistgħux nifhmu kif f’sit ta’ Klassi A u ta’ importanza arkeoloġika daqshekk kbira kellha toħroġ applikazzjoni ta’ din il-kwalità fejn il-proposta hi t-twaqqiegħ ta’ din id-dar. Id-djar kollha f’dan l-isqaq huma fl-istess sit iddikjarat protett u skedat.”

Iddikjaraw li “r-residenti f’dan l-isqaq u oħrajn fil-madwar jafu li ġaladarba d-dar tiġi mwaqqa’ biex tinbena  oħra flokha b’pixxina magħha  jkun jeħtieġ li jsir tħaffir għall-pedamenti. Jafu li f’dan is-sit ħadd u għal ebda raġuni ma jista’ jsir tħaffir għax ikun ta’ periklu inevitabbli għalihom. Liema makkinarju se jidħol f’dan l-isqaq biex iħaffru għall-pedamenti? Qegħdin jinsew li f’dan l-isqaq l-ebda makkinarju ma’ jista’ jidħol?

Se jinħoloq preċedent?

Enfasizzaw li “infakkru lir-Rabtin li din id-dar hi parti mill-‘qalba tar-raħal’ u jekk din id-dar titwaqqa’  ikun ifisser li qiegħed jinħoloq preċedent biex aktar ‘l quddiem dawn l-iżviluppaturi jwaqqgħu djar oħra f’dan is-sit arkeoloġikament importanti. Dan ħadd ma jridu u hu kundannabbli. Niġbdu l-attenzjoni tar-Rabtin u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat li fin-notifika PA 07355-26 inkitbu l-kliem “as approved’ f’PA 06720 – 22 jiġifieri kif ġie approvat l-iżvilupp preċedenti ta’ qabel. Ir-residenti ta’ dan l-isqaq huma moralment konvinti li dan il-permess li ngħata qabel ħarġet din l-applikazzjoni, qatt ma kellu joħroġ f’sit bħal dan tant vulnerabbli u sensittiv. Nerġgħu niġbdu l-attenzjoni tar-Rabtin li l-iżviluppaturi ta’ PA 06720 – 22 fir-rapporti tagħhom qatt ma semmew li r-residenti li joqogħdu f’dan l-isqaq għandhom djarhom mibnijin fuq pedamenti taflin. Sfortunatament is-Sovrantendenza kienet infurmata b’dan kollu. Nistagħġbu, kif minkejja li l-awtoritajiet kienu infurmati, taw il-barka għal dan l-iżvilupp”.

Iridu l-protezzjoni

Ir-residenti saħqu li “aħna moralment konvinti li l-permess li ġie mogħti fl-24 ta’ Mejju tas-sena 2024, għadu qiegħed użat b’mod li issa hemm ħaddieħor floku u ħareġ b’applikazzjoni ġdida. Kien hemm bżonn li ssir applikazzjoni ġdida meta skont l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġa ‘approvata’ u mogħtija ‘full permit’. Bir-raġun kollu bħala residenti nistaqsu x’hemm wara dan kollu? Għaliex l-applikant ħass li għandu jerġa’ japplika mill-ġdid, din id-darba hemm isem ieħor. Hi ċara u evidenti ukoll jekk taqra id-dokumenti tal-perkors ta’ PA 0672 – 22 li fost dak li nkiteb l-iżvilupatur kien qal li hu għandu parentela ma’ fundatur ta’ organizazzjoni li taħdem b’risq il-wirt storiku u kulturali u għal din ir-raġuni hu mhux se jagħmel ħsara lil dan is-sit li aħna r-Rabtin nafuh bħala r-Rabat Sacrum. Nistagħġbu  kif din l-organizazzjoni  li xogħlha hu li tipproteġi  siti arkeoloġiċi bħal dan ma qalet xejn, meta lura għas-sena 2017 iddefendiet il-Foss Ruman u l-Iscarp tiegħu. Aħna nistaqsu b’mod ċar, kif din l-organizazzjoni għażlet li ma tgħid xejn metą l-PA 07355 – 26 qiegħed ifassal it-twaqqiegħ ta’ din l-istess dar, li se ġġib magħha konsegwenzi kbar u perikolużi. Nistennew li din l-organizazzjoni titkixxef sew min hu l-applikant il-ġid u toġġezzjona għal dawn il-proposti ġodda. Aħna ir-Rabtin għandna l-fundatur tar-Rabat Sacrum li żgur u mhux forsi li din l-applikazzjoni l-ġdida għat-twaqqiegħ ta’ din id-dar kienet ta’ tħassib kbir għalih kemm għall-fatturi arkeoloġiċi u iżjed u iżjed għas-sigurtà tan-nies li joqogħdu fiż-żona.”

Sit sensittiv….meta se jkun protett?

Ir-residenti qalulna li “l-Kunsill Lokali  Rabti jaf tajjeb is-sensittività ta’ dan is-sit, meta t-toqol ta’ makkinarju nbela’ fl-art fit-tarf ta’ dan l-isqaq u mxiet l-art proprju ftit metri ‘lbogħod minn fejn qiegħda tiġi proposta biex titwaqqa’ din id-dar. Konsegwenza ta’ dan inkixfu l-passaġġi tal-ilma tas-sistema Rumana, liema passaġġi nkissrulhom ix-xorok tagħhom. Il-garigor fil-kantuniera tal-kunvent inkisrulu x-xorok tiegħu ukoll. Dan il-garigor m’għadux jeżisti għax il-patrijiet kellhom ineħħuh għax kien ikkundannat. Sadanittant il-kantuniera minn barra ssewwiet mill-Fondi għall-Kawżi Ġusti. Dan jaf bih l-iżviluppatur? Għandhom raġun jibżgħu ir-residenti li joqogħdu fl-isqaq ta’ San Franġisk minn din l-applikazzjoni. Infakkru lill-iżviluppatur li snin ilu meta s-sid ta din id-dar ried jibni kamra oħra, biex sar dan, intilef nofs il-ħajt tal-fortifikazzjoni tal-Belt il-Qadima Melitae. Dan sar għal żieda ta’ kamra oħra. Jekk l-applikant iħott u jwaqqa’ d-dar m’għandniex dubju li se jkun hemm konsegwenzi serji. Nistaqsu fejn hi l-liġi tal-prevenzjoni favur it-terzi u n-nies tal-post? Iridu jmutu n-nies biex it-terzi jieħdu raġun? Ir-raġuni, iżda tgħidilna li r-residenti waqgħu vittima ta’ dawn l-applikazzjonijiet u għaddew ħajjithom jgħixu ġewwa darhom jaħsbu li xi darba se tmiss lilhom bħalma msesset lil nies oħra. Ittina tort? Għalina r-residenti li ngħixu fiż-żona, dan hu abbuż u vjolenza mentali.”

Qatt ma ġie sottomess studju ġeoloġiku

Tennew li “sal-ġurnata ta’ llum u ukoll sal-ġurnata meta ħareġ il-‘full permit’ ta PA 06720 – 22 qatt ma ġie sottomess studju ġeoloġiku kif għandu jkun, jiġifieri li jinżlu mill-inqas sitt metri ‘lisfel u jtellgħu materjal li permezz tiegħu jkunu jafu l-kwalità tal-blat taħt id-dar li se jiżviluppaw. L-aħħar wieħed li sar, min għamlu niżel biss 2 metri. Konvinti moralment li għmalu  hekk biex jaħbu li taħt id-djar tar-residenti tafal hemm u xejn iżjed.  Issa l-applikant il-ġdid qiegħed  jgħid li kien ‘approved’. Aħna bħala residenti konvinti moralment  li dan kien approvat b’ħafna nuqqasijiet. Studju ġeoloġiku m’għandu qatt isir bil-geo radar. Ir-resdienti m’huma qatt se jaċċettaw dan l-istudju. Minbarra dan kollu, nafu fiċ-ċerti li l-blat tal-qawwi li fuqu mibnijin id-djar f’dan l-isqaq  hu blat tal-Qawwi deterjorat u mxarrab. Wieħed jistagħġeb kif l-iżvilupp ta’ PA 06720 22 ġie approvat u kif dan l-applikant se jimxi fuqu. Għalhekk trid tissimpatizza u tappoġġja lin-nies tal-isqaq u l-madwar fosthom dawk li jmissu miegħu. Fejn huma l-awtoritajiet li għaddew 23 sena u għadhom m’għamlu xejn bieex jipproteġu lin-nies li joqogħdu f’dan l-isqaq u l-madwar? Infakkru lir-Rabtin li għandhom għal qalbhom ir-Rabat Sacrum, li f’erba’ xhur ġew skedati d-djar ta’ Vjal Santu Wistin u tas-Saqqajja. Fi 23 sena possibbli ħadd ma sab ħin biex dawn id-djar u r-residenti tagħhom fil-periklu minħabba dawn l-applikazzjonijiet bla rażan jiġu skedati? Ir-Rabat Sacrum qiegħed jiġi smhedded kontinwament mingħajr ħniena.”

Il-foss hu patrimonju u post sagru

Jisħqu li “l-foss hu post sagru għar-Rabtin. It-tradizzjoni tgħidilna li San Pawl għex hawn. Nifhem li mexa, għex u għammed lill-missirijietna bl-istess ilma li għaddej mill-passaġġi Rumani, li għadhom attivi sa llum.  U allara nistaqsu għaliex wieħed mill-iżviluppaturi kellu l-wiċċ li dawn il-passaġġi tal-ilma ma jwassalhomx taħt id-dar li ried jiżviluppa fuq il-pjanta tiegħu? F’din id-dar wieħed għandu jkun jaf li hemm spiera li minnha għaddej l-ilma li jibqa’ sejjer għal spejjer oħra. Għaliex sar dan? Konvinti aħna għaliex sar hekk. Għal din l-appplikazzjoni, l-iżviluppatriċi ta’ PA 07355 – 26 se twaqqa’ u tħott id-dar Numru 4 fl-Isqaq ta’ San Franġisk. X’se jkun xogħol il-kunsill tar-Rabat, issa b’dan il-periklu eżistenti kollu? Kunfidenti li l-kunsill lokali se jimxi b’għaqal kbir biex iwaqqaf dan l-abbuż u jipproteġi s-saħħa tar-Rabtin li jgħixu f’dan l-isqaq. Il-prevenzjoni għandha tkun il-prijorità f’dan is-sit, biex l-periklu għar-residenti jiġi eliminat”, temmew jgħidu ir-residenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport