Wednesday, May 7, 2025

Ippubblikati l-prinċipji u s-salvagwardji għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita

Aqra wkoll

“Din id-diskussjoni f’pajjiżna u fis-soċjetà tagħna ma bdietx illum, iżda hija l-ewwel okkażjoni li s-soċjetà se jkollha quddiemha sett ta’ prinċipji, kriterji u salvagwardji li jipprovdu qafas serju għall-konsultazzjoni infurmata u matura. Għalhekk huwa importanti li b’kompassjoni, b’mod dinjituż u rispettuż nisimgħu lil xulxin bi qlub u mħuħ miftuħa”.

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie mniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg bdiet billi qalet li fil-manifest elettorali “Malta Flimkien”, il-Gvern wiegħed diskussjoni nazzjonali dwar l-ewtanasja volontarja assistita għal persuni b’mard terminali. Qalet li f’din il-konsultazzjoni sensittiva, il-Gvern irid jisma’ u jikkunsidra l-opinjonijiet ta’ kulħadd.

Hija żiedet tgħid li l-prinċipji elenkati fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jipprovdu fost oħrajn li l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tintalab biss minn persuni li għalqu 18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b’marda terminali li medikament tkun ġiet iċċertifikata li ser itemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur.

Id-dokument jgħid li l-anzjanità, id-diżabilità u kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita.

Fost id-diversi salvagwardji proposti hemm li se jkun meqjus bħala reat kriminali li persuna tħajjar jew iġiegħel lil xi persuna biex titlob l-ewtanasja volontarja assistita.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kompliet tispjega li d-dokument jipprovdi numru ta’ salvagwardji fosthom l-obbligu tat-tim mediku li jispjega lil persuna b’marda terminali s-servizzi tal-kura paljattiva li l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tiegħu.

Hija spjegat li qed ikun propost li t-talba għall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss b’mod awtonomu mill-persuna li tkun qiegħda tbati mill-kundizzjoni terminali u għandu jkollha tliet ċertifikati fosthom ta’ psikjatra.

Qiegħed ikun propost ukoll skrutinju rigoruż u strett minn bord regolatorju mmexxi minn eks-ġudikant li jrid jagħti l-approvazzjoni finali wara perjodu ta’ riflessjoni. Fi kwalunkwe ħin, il-persuna li tkun talbet l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha.

Il-membri tal-professjoni medika b’oġġezzjoni tal-kuxjenza għandhom dritt li ma jipparteċipawx fil-proċess li jwassal għall-ewtanasja volontarja assistita jekk il-pazjent fil-kura tagħhom jitlob dan. Madankollu huma obbligati li meta għandhom persuna li minn rajha titlob l-ewtanasja volontarja assistita jirreferu lil din il-persuna lil professjonisti oħra.

Bħala parti minn din il-konsultazzjoni pubblika, qed ikun propost id-dritt li persuna tagħmel testment mediku jew kif inhuma magħruf “living will”. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li din ma tagħtix dritt li persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita jekk ma jkunx hemm il-kriterji tal-eleġibilità.

Iżda permezz tal-living will, persuna f’saħħitha wara li tikkonsulta ma’ professjonista mediku tal-fiduċja, tiddikjara b’kuntratt x’tip ta’ kura trid jew ma tridx għal ċerti kundizzjonijiet mediċi li jista’ jkollha fil-futur.

Din il-konsultazzjoni hi miftuħa sat-2 ta’ Lulju 2025 u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq is-sit www.facts.gov.mt jew f’waħda mis-sessjonijiet ta’ konsultazzjoni li se jsiru fil-Fgura, fil-Mosta u f’Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport