Tuesday, May 21, 2024

Ir-raġel tat-tifla ta’ Totò Riina arrestat f’Malta

… jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn l-Italja

Aqra wkoll

Ir-raġel tat-tifla tal-Kap tal-Mafja Sqalli Totò Riina ta l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn l-Italja wara li kien arrestat f’Malta. 

Antonino Ciavarello ta’ 50 sena kien arrestat il-Ħamis filgħodu fil-Mosta wara li kien inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu mill-Italja. 

Il-Pulizija qalet li Ciavarello kien imfittex mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta’ Brindisi. 

Intqal li l-awtoritajiet Taljani kienu ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tat-Taljan, fl-24 ta’ Jannar tal-2022 sabiex jiskonta sentenza ta’ priġunerija. L-operazzjoni tal-bieraħ filgħodu saret bil-kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana. 

Ciavarello tressaq il-Ħamis waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil fejn aċċetta li jiġi estradit lejn pajjiżu. 

Assistit minn interpretu filwaqt li qagħad bilqiegħda matul is-seduta kollha wara li lmenta minn uġigħ f’riġlejh, l-imputat qal li kien jaħdem bħala xufier ma’ kumpanija lokali. 

L-avukat tal-għajnuna legali tiegħu spjega li l-imputat kien konxju tas-sentenzi fil-konfront tiegħu iżda ma kienx jaf li kienu effettivi. Qal li huwa qatt ma kellu xi problemi mal-pulizija jew l-awtoritajiet f’Malta u darba biss weħel multa.

Il-Maġistrat Camilleri Busuttil ikkonfermat mal-prosekuzzjoni li r-raġel ma kellu l-ebda proċeduri ġudizzjarji pendenti f’Malta u bil-kunsens tiegħu, żammitu arrestat sakemm jiġi estradit. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri. L-Avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant deher għall-imputat. 

Sport