Wednesday, December 25, 2024

Ir-referee David Coote b’kummenti dispreġġjativi kontra Liverpool

Aqra wkoll

Ir-referee tal-Premier League David Coote ġie sospiż wara li fuq il-midja soċjali ġie ċċirkolat filmat li allegatament jurih jagħmel kummenti dispreġġjattivi dwar Liverpool u l-eks manager tal-klabb Jurgen Klopp.

Il-korp tar-referee PGMOL jgħid li s-sospensjoni daħlet fis-seħħ b’effett immedjat u qed tistenna investigazzjoni sħiħa.

Il-filmat intwera bħal leħħa ta’ berqa fuq il-midja soċjali mhuwiex ċar meta ġie ffilmjat jew l-awtentiċità tiegħu.

Iża l-inkjesta tal-PGMOL qed tittratta l-filmat bħala ġenwin.

Coote, ta’ 42 sena, ikkontrolla l-logħba li fiha Liverpool għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 2-0, nhar is-Sibt li għadda. Huwa wieħed mill-uffiċjali tal-Premier li għandhom l-aktar esperjenza u ilu jikkontrolla partiti fl-aqwa titjira mill-2018.

Il-filmat inkwistjoni rrefera għall-partita tal-Premier League li Coote mexxa bejn Liverpool u Burnley f’Lulju 2020, li spiċċat 1-1.

Klopp ikkritika lil Coote wara l-partita, u qal li r-referee naqas milli jagħti fouls li dehru perikolużi fuq players ta’ Liverpool. 

Fil-filmat, huwa jsejjaħ lil Klopp bħala persuna arroganti u jitkellem ħażin ukoll diversi drabi meta jirreferi għalih.

Il-filmat jurih ma’ raġel ieħor u jdum għal ftit aktar minn minuta. Iċ-ċirkostanzi ta’ kif ħareġ il-filmat mhumiex ċari.

Il-PGMOL tgħid li mhux se tkun qed tagħmel aktar kumment dwar il-każ sakemm titlesta l-investigazzjoni tagħha.

Liverpool huma konxji tal-filmat iżda mhux qed jikkummentaw f’dan l-istadju.

Iżda ċ-chairman tal-Football League Ingliż Rick Parry qal: “Il-PGMOL qed jittratta dan il-każ b’serjetá kbira. Infatt Coote ġie sospiż mill-ewwel u se jiżgura li se jittratta din il-kwistjoni bir-reqqa u professjonalment.”

Issa ħarġet l-aħbar ukoll li r-referees huma  meħtieġa jinfurmaw lil PGMOL liema huwa t-team favorit tagħhom. 

Coote, minn Nottingham, huwa reġistrat bħala partitarju ta’ Notts County u għalhekk ma jistax jikkontrolla partiti ta’ County jew Nottingham Forest.

Ekonomija

Sport