Monday, May 13, 2024

IR-RILEVANZA TAL-INDIPENDENZA MAŻ-ŻMIEN

Aqra wkoll

Il-ġrajja ta’ 59 sena ilu meta Malta kisbet l-Indipendenza, taqbel jew ma taqbilx magħha, kienet l-ewwel pass lejn l-emanċipazzjoni kostituzzjonali u politika tal-poplu Malti. Ġrajja li wasslet ukoll biex pajjiżna mhux biss jitlaq mill-monarkija Ingliża bħala l-Kap tal-Istat imma wkoll li jeħles minn kull rabtiet militari li kellu dak iż-żmiien.

Għalkemm l-Indipendenza bħala strument politiku kienet u għadha rilevanti, ma setax jonqos li fl-1964 toħloq ħafna kontroversji. Dan fis-sens li minkejja li pajjiżna sar indipendenti u sovran fost il-ġnus, xorta waħda ħafna partijiet minnu baqgħu taħt id-dominanza tal-gvern Ingliż, bil-poplu Malti jibqa mċaħħad minn dak li kien tiegħu bi dritt. Saħansitra l-munita u t-telekomunikazzjoni baqgħu taħt il-bandiera Ingliża u kellu jkun Gvern Laburista tas-sebgħinijiet li ta rilevanza proprja lill-indipendenza ta’ pajjiżna u ma ħallihiex aktar strument fuq il-karta.

Dan kollu iżda ma ċaħħad xejn lil pajjiżna milli, wara tal-Indipendenza, jieħu inizjattivi fil-fora internazzjonali fosthom in-Nazzjonijiet Uniti fejn Malta kienet il-promutur ewlieni biex il-komunità internazzjonali aċċettat li qiegħ il-baħar jiġi dikjarat bħala wirt komuni tal-umanità.

Jum l-Indipendenza li llum qed niċċelebrat id-59 anniversarju tagħha, hija waħda mill-ħames festi nazzjonali li għandna f’pajjiżna u dan iwassalna nerġgħu nistaqsu, kif għamilna diversi drabi, jekk għadux rilevanti li pajjiżna jibqa’ jkollu daqstant festi nazzjonali.

Nifhmu li f’pajjiż polarizzat, kif wara kollox hu pajjiżna, l-għażla u d-deċiżjoni mhix waħda faċli għaliex timplika deċiżjonjiet politiċi li mhux kulħadd jista’ jkun jaqbel dwarhom. Imma xorta jibqa’ l-fatt li għandu jitqanqal dibattitu wiesgħa kemm jista’ jkun u miżmum ‘l bogħod mill-patiġġjaniżmu dwar jekk għandniex niċċelebraw jum nazzjonali wieħed jew nibqgħu bil-ħamsa li għandna.

Biss id-diskussjoni trid tkun waħda li tagħmel sens fiż-żminijiet moderni tal-lum.

Nemmnu li kull festa nazzjonali għandha tkun is-simbolu tal-għaqda nazzjonali. Xi ħaġa li pajjiżna għandu tant bżonn, xi ħaġa li anke l-President ta’ Malta ilu jisħaq dwarha. Dan nemmnuh bis-sħiħ għaliex bl-għaqda fost il-poplu jista’ pajjiżna jkompli jkattar il-ġid li jwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar milli kellu s’issa.

Sport