Thursday, October 10, 2024

Ir-riżultati jikkonfermaw li Malta hi post attraenti għan-negozju u l-investiment

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija Toly fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta bdiet  taħdem f’Malta. Waqt żjara lill-ħaddiema, flimkien mat-tmexxija tal-istess kumpanija, dehret  evidenti r-rieda li Toly tibqa’ ssaħħaħ l-operat tagħha f’pajjiżna inkluż b’investiment ta’ €20 miljun  li sar riċentament f’espansjoni infrastrutturali.  

Il-kumpanija toffri servizz lil diversi ditti internazzjonali, fosthom 23 mill-aktar 30 ditta importanti  fis-settur kożmetiku. Wara li bdiet f’Malta, Toly espandiet u għandha uffiċini allokati fl-Amerka, fl Ewropa, fl-Ażja u f’reġjuni oħra madwar id-dinja. F’pajjiżna Toly tħaddem iżjed minn 300 impjegat.   

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega kif il-gvern se jibqa’ joħloq l-ambjent ideali biex din ir relazzjoni tkompli tissaħħaħ fiż-żmien li ġej. Innota kif l-aħħar xhur ma kinux faċli għal ħadd kawża  tal-pandemija, iżda r-reżiljenza tal-kumpanija wasslet biex toħroġ minn dan il-perjodu b’saħħitha.  Hawn tenna l-impenn tiegħu li pajjiżna jżomm dan is-sens ta’ intraprenditorija li tagħmel lil Malta  pajjiż reżiljenti biex taħdem fih, fejn il-gvern huwa impenjat li jgħin lin-negozji.  

“Għandna issa l-ewwel riżultati tal-politika ekonomika progressiva tagħna. Illum, għandna l-inqas  rata ta’ qgħad fl-istorja. It-tkabbir ekonomiku hu ikbar mit-tbassir li kellna u l-livell ta’ investiment  huwa superjuri għal dak fis-sena ta’ qabel il-pandemija,” qal il-Prim Ministru, li tkellem fid-dettall  ukoll dwar il-bżonn ta’ ekonomija sostenibbli. Hawn tkellem dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima, qal li  din teħtieġ l-istess impenn fil-ġlieda li wrejna kontra l-pandemija u għalhekk pajjiżna qed ipoġġi ’l  quddiem miri ambizzjużi. 

“Ekonomija b’saħħitha trid ambjent b’saħħtu,” qal il-Prim Ministru li tkellem fuq il-ħtieġa ta’  investiment f’enerġija rinovabbli, fis-saħħa tan-nies u spazji miftuħa. “Biex din il-viżjoni tirnexxi  għandna bżonn lil kulħadd parteċipi.” Il-Prim Ministru Abela awgura lil Toly għal mod kif l-impjant  inawgurat dan l-aħħar kien iddisinjat b’mod sostenibbli.  

“Kif rajna fis-snin riċenti, nafu kif nibdlu l-isfidi f’opportunitajiet. Nemmen li l-isfidi li għandna  bħalissa se jkunu opportunità għat-tkabbir,” sostna l-Prim Ministru. 

Min-naħa t-tiegħu l-Kap Eżekuttiv u ċ-Ċermen tal-kumpanija Andy Gatesy qal li meta d-dinja bdiet  taffaċċja l-kriżi globali tal-pandemija, ikkometta ruħu sabiex it-tmexxija tal-grupp Toly tagħmel l almu tagħha u żżomm in-nies siguri filwaqt li ssalva l-impjiegi. 

“Bqajna dejjem f’kuntatt kontinwu mal-gvern u mal-Malta Enterprise. L-appoġġ li ngħatajna mill gvern, inkluż il-wage supplement, għen lil Toly ittaffi l-impatt li kellha fuq l-operat tagħha. Filwaqt  li l-ewwel nofs tas-sena kien qed jibda bil-mod ħafna, rajna d-dħul tal-ordnijiet jiżdiedu  sostanzjalment u ninsabu kunfidenti fi tmiem aħjar għal din is-sena,” stqarr is-Sur Gatesy.  

Preżenti matul iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Sport