Friday, November 22, 2024

Ir-Russi jattakkaw blokka t’appartamenti li kien għadha kemm tlestiet fi Dnipro

Aqra wkoll

Mill-inqas disa’ persuni fosthom żewġt itfal indarbu wara li missili laqtu żewġ binjiet fil-belt ta’ Dnipro, fil-Lvant tal-Ukrajna.

Skont rapporti jidher li l-aħħar sular ta’ blokka residenzjali kbira ta’ appartamenti nqerdet kważi kollha fl-istrajk tal-Ġimgħa filgħaxija. Il-President Ukren qal ukoll li saħansitra bini li jappartjeni għas-servizzi tas-sigurtà tal-Ukrajna (SBU) intlaqat f’dan l-aħħar attakk.

Is-Sur Zelensky poġġa filmat fuq Telegram li juri duħħan tiela’ minn bini bil-ħsara u nirien fit-toroq filwaqt li xeħet il-ħtija ta’ dan it-terrur fuq ir-Russi.

Zelensky qal li immedjatament wara li seħħ l-attakk, huwa sejjaħ laqgħat ta’ emerġenza mal-SBU, il-ministeru tal-intern, is-servizzi tal-emerġenza u l-uffiċjali lokali.

Il-Kap Reġjonali Serhiy Lysak qal li fost il-midruba kien hemm żewġt itfal ta’ 14 u 17-il sena u li skont l-informazzjoni li kellu dawn kienu qed jiġu kkurati d-dar. Huwa qal li s’issa fortunatament jidher li dan l-attakk ma ħalliex vittmi.

Skont is-Sindku ta’ Dnipro Borys Filatov dan l-aħħar strajk kien it-tielet tentattiv tar-Russi li jattakkaw il-bini tal-SBU. Żied jgħid ukoll li l-biċċa l-kbira tal-bini kien għadu battal u l-appartamenti kienu għadhom qegħdin jinbigħu bħala parti mill-proċess.

Sport