Monday, May 13, 2024

PASS IMPORTANTI LI JINDIRIZZA T-TLUQ BIKRI MILL-ISKOLA

Aqra wkoll

Filwaqt ninsabu fix-xhur tas-sajf, il-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv ma tieqafx. Tant hu hekk li diġà mbarka fuq proċess li se jwassal sabiex ikollna strateġija nazzjonali ġdida li tirrifletti l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-istudenti u anke tas-soċjetà inġenerali. Dan apparti x-xogħol li qiegħed isir fuq il-bini u l-immodernizzar tal-iskejjel biex l-istudenti jkollhom faċilitajiet mill-aqwa sabiex l-esperjenza edukattiva tkun waħda tassew ħolistika. 

Fil-fehma tagħna, ix-xhur tas-sajf jistgħu jservu ta’ opportunità oħra biex dak kollu li jeħtieġ li jsir fl-iskejjel, isir kif xieraq. Hawn iżda kulħadd irid jifhem li r-realtajiet komplew jinbidlu b’ritmu mgħaġġel u b’hekk irid ikun assigurat li l-edukaturi tassew ikollhom l-għodda kollha meħtieġa sabiex f’dan il-perkors edukattiv, l-istudenti jilħqu l-iżvilupp tagħhom. Iżda biex dan il-għan jintlaħaq irid jibqa’ jkun hemm ħidma kollettiva u sinerġija sħiħa bejn l-entitajiet kollha involuti f’dan il-qasam importanti.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, ma nistgħux ma nagħmlux referenza għall-istrateġija li tnediet fl-aħħar jiem bilgħan li tkompli tipprevjeni t-tluq bikri tal-istudenti mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Din l-istrateġija  tkopri l-ħidma għas-snin 2023-2030. 

Strateġija li se ssaħħaħ il-prinċipji bażiċi filwaqt li tassigura edukazzjoni inklussiva u ta’ kwalità għal kulħadd. Fuq kollox se taħdem biex tnaqqas il-lakuni fir-riżultati edukattivi bejn is-subien u l-bniet u bejn studenti li jattendu skejjel differenti u tnaqqas l-għadd ta’ studenti b’kisbiet baxxi. 

B’sodisfazzjon ninnutaw li l-ħidma li qed issir biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu tat-tluq bikri mill-iskola qiegħda tħalli l-frott. Tant hu hekk li skont il-Eurostat din ir-rata niżlet għal 10.1%,  u b’hekk Malta kienet waħda mill-ftit pajjiżi li b’mod kostanti naqqsu r-rata f’dawn l-aħħar snin.

Dawn huma riżultati inkoraġġanti u ta’ min ifaħħarhom iżda għad hemm lok għal aktar titjib. Għalhekk nemmnu li t-tnedija ta’ din l-istrateġija hija pass importanti ‘l quddiem f’din id-direzzjoni u dan jawgura tajjeb għall-ġejjieni aħjar għal pajjiżna. Huwa b’din il-ħidma konġunta li nistgħu niksbu aktar suċċess fl-indirizzar tal-kwistjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ.

Fuq kollox iżda nemmnu li biex ir-rata ta’ tluq bikri mis-sistema edukattiva tkompli titrażżan jeħtieġ li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha ikunu post li jagħti gost u mhux post li joħloq it-tensjoni.

Sport