Wednesday, July 24, 2024

Irġiel armati u mgħammda jidħlu fi studio televiżiv waqt xandira diretta fl-Ekwador

Aqra wkoll

Irġiel armati u b’wiċċhom mgħammad daħlu fi studio televiżiv fl-Ekwador u allegatament bdew jheddu lill-ħaddiema.

L-impjegati ġew sfurzati jinżlu mal-art waqt xandira diretta tal-istazzjon tat-televiżjoni TC fil-belt ta’ Guayaquil qabel ix-xandira nqatgħet għalkollox.

Il-Pulizija fl-Ekwador qalet li rnexxielha ssalva lil dawn il-ħaddiema u ġew arrestati b’kollox 13-il persuna. Aktar tard, l-istazzjon qal li żewġ impjegati kienu sofrew xi ġrieħi.

Sadanittant, minn tal-inqas 10 persuni nqatlu meta t-Tnejn li għadda beda stat ta’ emerġenza ta’ 60 jum fl-Ekwador. Din l-emerġenza daħlet fis-seħħ wara li baruni ewlieni tad-droga rnexxielu jaħrab mill-ħabs.

Għadu mhux ċar jekk l-inċident fl-istudio tat-televiżjoni kienx relatat mal-għajbien mill-ħabs tal-kap tal-grupp Choneros, Adolfo Macias Villamar, jew kif inhu magħruf aħjar bħala Tito. 

Fil-pajjiż ġar, il-Perù, il-Gvern ordna l-iskjerament immedjat tal-uffiċjali tal-pulizija mal-fruntiera biex jipprevjeni kwalunkwe instabbiltà li possibilment tista’ taqsam lejn dan il-pajjiż.

L-Istati Uniti kkundannat dawn l-“attakki sfaċċati” fl-Ekwador u qed “tikkoordina mill-qrib” mal-President Daniel Noboa u l-gvern Ekwadorjan tiegħu u tinsab “lesta li tipprovdi assistenza”.

Ekonomija

Sport