Friday, May 3, 2024

“Irridu li Għawdex tibqa’ tkun attraenti anke fix-xhur tax-xitwa”

Jgħid dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat

Aqra wkoll

Kif nafu Għawdex jattira ħafna turiżmu mhux biss intern iżda minn pajjiżi differenti. Din il-gżira hi unika mhux biss fl-għamla tagħha, l-ambjent li tħaddan, il-kosta ferm pittoreska iżda wkoll is-sbuħija naturali li għandha.

Qed isir ħafna investiment sabiex din il-gżira msejħa oħt Malta tkompli tiżviluppa u tattira aktar turisti li eventwalment iħallu ħafna qligħ fil-but ta’ ħafna Għawdxin.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ilha mwaqqfa sa mis-sena 1999 u għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-gżira filwaqt li jkun hemm aktar sostenibbiltà.

Dan is-sit tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Joe Muscat li spjegalna aktar fid-dettall dwar l-operat tagħhom.

“Xogħolna hu dak li nkomplu niżviluppaw il-lat ekonomiku ta’ din il-gżira u nagħmluha waħda ferm attraenti. Qed naħdmu bla heda sabiex il-membri tagħna jibbenefikaw minn diversi inizjattivi u dan nagħmluh għax nemmnu fil-prodott tagħna.”

Ċertament li l-pandemija tal-COVID-19 ftit għenet fil-kwistjoni tat-turiżmu speċjalment fix-xhur meta kien hemm restrizzjonijiet sabiex tkun tista’ taqsam il-gżira. Madankollu l-operaturi turistiċi Għawdxin kif ukoll diversi membri baqgħu jżommu sodi filwaqt li ttamaw fi żmien aħjar. Dan kollu deher li wasal matul dan is-sajf meta skont Muscat, is-sajf ta’ din is-sena kien ferm aħjar minn dak ta’ qabel.

“Nistgħu ngħidu li s-sajf l-ieħor kellna inċertezza kbira fejn kien grazzi għat-turiżmu intern li l-operaturi tagħna setgħu jkomplu b’ħidmiethom. Barra minn hekk ma kienx għadu jeżisti l-vaċċin ta’ kontra l-COVID-19 u wara dan kollu, l-affarijiet issa jidhru aktar ċari.”

Muscat jemmen li s-sena 2023 se tkun ferm aħjar minn dik li ninsabu fiha bħalissa anke għax jidher li hemm prospetti tajbin li ċerti turisti se jerġgħu jżuru l-gżejjer Maltin.

Hekk kif wasalna fi tmiem l-istaġun tant impenjattiv tas-sajf, issa ġejja x-xitwa u l-Assoċjazzjoni qed taħseb sabiex Għawdex xorta waħda tibqa’ attraenti. Fuq kollox, min iżur il-gżira f’dawn iż-żminijiet se jesperjenza post differenti mis-sajf minħabba li n-natura tkompli bil-kors tagħha filwaqt li l-għoljiet tagħha jinksew bi ħdura naturali mill-isbaħ. 

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-mixjiet sbieħ fil-kampanja kif ukoll il-postijiet ta’ attrazzjoni storika bħaċ-Ċittadella u t-tempji megalitiċi.

Iżda din l-Assoċjazzjoni kemm taħdem mill-qrib ma’ dik Maltija? “Aħna naħdmu mal-MTA mill-qrib ħafna tant li qegħdin parti mill-bord kif ukoll nipparteċipaw f’diversi fieri internazzjonali. Hi xi ħaġa normali li nagħtu pariri lil xulxin filwaqt li naħdmu sabiex nippromwovu l-gżejjer Maltin internazzjonalment.”

Bla dubju li wieħed mill-fatturi ferm importanti tas-suċċess turistiku hu proprju l-Gozo Channel u l-vapuri li jaħdmu kontinwament sabiex iwasslu lill-passiġġieri min-naħa għal oħra tal-gżejjer Maltin.

“Ninsabu sodisfatti b’dak li għamlet il-Gozo Channel f’dawn is-snin kbar kemm ilha mwaqqfa. Xi kultant aħna nieħdu dan is-servizz qisu xejn m’hu xejn iżda fil-verita’ diffiċli ssib bħalu. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema li f’kull element ta’ temp sew jekk xita kif ukoll xemx, dejjem jaħdmu mill-aħjar li jistgħu sabiex jagħtu servizz tajjeb lil kull min juża’ dan is-servizz.”

Il-Kap Eżekuttiv qal li l-vapuri tal-Gozo Channel jagħmlu mat-80 vjaġġ kuljum fejn jieqfu ftit għal xi sigħat matul il-lejl u fejn iżda jibdew sa minn kmieni filgħodu jagħtu s-servizz normali tagħhom.

Ma stajniex ma nsaqsux lil Joe Muscat dwar x’jaħseb mis-servizz tal-Gozo Fast Ferry li qed jitħaddem minn żewġ operaturi privati. Hu qal li l-kompetizzjoni tagħmel tajjeb ħafna u fl-aħħar mill-aħħar se jkun il-konsumatur li jibbenefika minn dan kollu.

Muscat ħabbar li bi ħsiebhom iħabbru l-bini tar-raba’ vapur li jkun wieħed Malti u li jinbena proprju hawnhekk. Dan se jkun qed jaħdem b’rispett għall-ambjent filwaqt li jkun aktar sostenibbli matul is-snin.

Iżda hemm ħsieb li jkun hemm konnessjoni bejn iż-żewġ gżejjer bl-ajru?

“Fil-fatt għaddejjin b’diskussjonijiet sabiex ikun hemm airlink bejn Malta u Għawdex minn kumpanija privata li qed tippjana ajruplan li jġorr 20 passiġġier u li jkun jista’ jakkomoda wkoll il-bagalji tagħhom. Qed naħsbu li dan il-vjaġġ se jdum biss 10 minuti u fl-aħħar mill-aħħar anke hawn bħalma ġara fil-Gozo Fast Ferry, se jkunu kumpaniji privati li jistgħu jaħdmu fuq dan il-proġett.”Hekk kif dan is-servizz se jkun qed jiġi mniedi fil-futur mhux ‘il bogħod, se jkun hemm garanzija ta’ aktar xogħol b’ħaddiema li apparti li jilqgħu lill-passiġġieri, jkun hemm anke bżonn it-tindif, żebgħa u kull tip ta’ manutenzjoni li jkollu bżonn ajruplan.

Muscat ikkonferma wkoll li teżisti kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru għall-Għawdex u l-Ministeru tat-turiżmu li jaħdmu id f’id għal aktar inizjattivi li jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. 

Fenomenu ieħor li qed ikun wieħed frekwenti hu dak tal-boutique hotels fejn diversi operaturi qed jaħdmu b’mod professjonali sabiex joffru akkomodazzjoni ta’ livell lil kull min juża’ s-servizzi tagħhom.

“Qed nara ċertu kwalità f’dawn il-boutique hotels u dan kollu hu ferm pożittiv għax joffri mod ieħor kif tista’ tgawdi lil Għawdex. “

Fl-aħħarnett tlabna lil Joe Muscat jgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk kollha li jżuru ta’ spiss il-gżira Għawdxija.

“Filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li jiġu jżuruna minn żmien għal ieħor, tajjeb li ngħidu li Għawdex hi gżira distinta minn Malta anke minħabba dak kollu li għandha. Is-sbuħija ta’ din il-gżira tiddependi kollha minna li niġu hawn, forsi nieħdu xi ħaġa x’imkien jew immorru f’xi post ta’ attrazzjoni. Jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, Għawdex ikompli jiffjorixxi dejjem aktar u jkun iktar sostenibbli ekonomikament bħalma dejjem kien. Fuq kollox din il-gżira għandha l-karattru uniku tagħha li l-Għawdxin tant huma kburin bih filwaqt li jiġi apprezzat minn kull min jiġi jqatta’ xi jiem hawnhekk.”

Sport