Monday, March 3, 2025

“Irridu nħarsu lejn in-nefqa reali tat-turisti”

- Silvan Mifsud, membru fil-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ u Direttur tal-EMCS Advisory

Aqra wkoll

“Fit-turiżmu, irkuprajna fi żmien rekord. Fl-2023, żaru pajjiżna aktar turisti minn kemm kienu ġew fl-2019, is-sena qabel faqqgħet il-pandemija. Is-sena li għaddiet reġa’ kellna rekord ieħor f’dak li għandu x’jaqsam mal-wasliet tat-turisti. Ħarsitna ’l quddiem issa għandha tkun mhux in-numru ta’ turisti imma n-nefqa reali għal kull turist.” 

Iddikjara dan Silvan Mifsud, membru tal-Kunsill fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ u Direttur tal-EMCS Advisory meta kien qed jitkellem f’konferenza li ttellgħet mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) li fiha tħabbru r-riżultati ta’ studju dwar l-istabbilimenti lokali tal-ikel u x-xorb għat-tieni nofs tas-sena 2024. 

Fl-intervent tiegħu, Mifsud innota li l-wasliet tat-turisti żdiedu bil-kbir f’dawn l-aħħar snin. Qal li l-ammont ta’ turisti li ġew Malta żdied b’madwar 30% mil-livelli tal-wasla tat-turisti fl-2019.

Huwa semma illi meta jiġi rrapportat dwar in-nefqa tat-turisti, aktarx li jkunu kkwotati ċifri nominali. “Huwa pjuttost ovvju li ċifri ta’ nefqa nominali bħal dawn jiżdiedu speċjalment f’perjodi ta’ inflazzjoni, peress li t-turisti jkollhom jonfqu aktar għal kwalunkwe servizz.”

Madankollu, tenna li jkun aħjar li jiġi eliminat l-effett inflazzjonarju billi d-dħul jiġi bażat mill-ġdid għal perjodu qabel perjodu inflazzjonarju. Qal li hu għalhekk li jirrapporta kontinwament dħul reali bbażat fuq il-livelli tal-2019. Kien hawn fejn sostna li n-nefqa reali żdiedet b’madwar 28% sal-aħħar tal-2024 mil-livelli reġistrati fl-2019. 

“Dan ifisser li filwaqt li l-wasliet tat-turisti żdiedu b’madwar 30% mil-livelli rreġistrati fl-2019, in-nefqa reali żdiedet bi 28% għall-istess perjodu. Jekk iż-żieda fin-nefqa hija inqas miż-żieda fil-wasliet tat-turisti, in-nefqa medja għal kull turist x’aktarx tonqos aktar milli tikber,” qal Mifsud. “Dan ifisser li din hija l-isfida li jmiss li għandna quddiemna.”

Qal li huwa importanti li niftakru punt li ħafna drabi jiġi injorat, li t-turiżmu jiġi bl-ispejjeż tiegħu. Dawn l-ispejjeż jinkludu żvilupp żejjed u tensjoni infrastrutturali evidenzjati minn konġestjoni tat-traffiku, ġestjoni tal-iskart u sfidi ambjentali fost oħrajn.

Mifsud temm jenfasizza dwar il-ħtieġa li tinbena u tiġi implimentata b’mod effettiv strateġija tat-turiżmu li effettivament tagħti aktar importanza lin-nefqa reali tat-turiżmu bħala KPI ewlieni, aktar milli l-wasliet tat-turisti, u li fi kliemu tkun l-ewwel pass li tassew għandna l-intenzjoni li nkejlu l-kwalità fuq il-kwantità. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport