Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza l-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’ bit-tema ‘Il-Popolazzjoni Maltija u n-Nazzjon Malti sa ħamsin sena oħra’, fejn saħaq li d-deċiżjonijiet li jittieħdu llum se jkunu determinanti għal kif se jkun pajjiżna fil-ħamsin sena li ġejjin.
Il-Prim Ministru rrefera għall-verdett fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għas-sentenza sussegwenti tal-Qorti Kriminali, filwaqt li saħaq li f’dan il-mument sensittiv hemm bżonn prudenza u kawtela fid-dibattitu pubbliku sabiex ma jiġux ippreġudikati l-ħidma u l-proċessi tal-istituzzjonijiet. Huwa tenna l-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż u qal li d-dmir tal-Gvern huwa li jibqa’ jipprovdilhom l-għodda u r-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu b’mod indipendenti, seren u b’rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt. F’dan il-kuntest huwa għamel ukoll referenza għal diversi riformi li saru biex isaħħu is-settur tal-ġustizzja. Fl-istess waqt, reġa’ appella biex każ bħal dan ma jintużax għal skopijiet partiġġjani jew b’mod li jagħmel ħsara lill-pajjiż u lill-fiduċja fl-istituzzjonijiet tiegħu.
Dr Abela qal li minkejja l-isfidi bla preċedent li kellu jaffaċċja pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern baqa’ jagħti prijorità lill-ħolqien ta’ viżjoni fit-tul. F’dan il-kuntest, huwa saħaq li l-Viżjoni Malta 2050, b’miri intermedjarji sal-2035, għandha sservi ta’ pedament għal ekonomija u soċjetà aktar moderna, sostenibbli u reżiljenti.
Dr Abela tkellem dwar il-bidliet kbar li qed iġibu magħhom l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika u l-avvanzi fix-xjenza. Saħaq li Malta tinsab f’pożizzjoni b’saħħitha biex tibbenefika minn dawn it-teknoloġiji u fakkar fl-investiment ta’ €100 miljun għall-AI u l-qalba diġitali. Huwa qal li madwar 40,000 persuna rreġistraw għall-inizjattiva AI għall-Kulħadd, filwaqt li 23,000 diġà temmew it-taħriġ b’suċċess, u qed jingħataw il-liċenzja mingħajr ħlas ta’ software tal-AI.
“Nemmnuha u se nwettquha: li nsiru l-aktar pajjiż AI-friendly fl-Ewropa”, qal il-Prim Ministru, filwaqt li enfasizza li l-progress teknoloġiku għandu dejjem jitqiegħed għas-servizz tal-bniedem u mhux għad-detriment tiegħu. Tenna li meta seba’ snin ilu ħadd ma kien qed jitkellem fuq l-AI l-Gvern ppreżenta l-ewwel strateġija nazzjonali li ġiet imwettqa, biex issa se tiġi aġġornata permezz ta’ strateġija oħra.
Dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru qal li Malta trid tkompli timxi lejn ekonomija b’aktar valur miżjud, b’inqas dipendenza fuq il-volum tal-ħaddiema u b’aktar karrieri ta’ kwalità. Semma l-investimenti li qed jiġu attirati fil-MedTech, fl-enerġija alternattiva u f’industriji avvanzati.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li d-diskussjoni dwar il-ħaddiema barranin għandha tkun waħda bbilanċjata u bbażata fuq il-bżonnijiet reali tal-ekonomija. Spjega li l-Gvern qed jiffoka fuq li jiġu biss ħaddiema minn pajjiżi terzi f’setturi fejn hemm bżonn, filwaqt li jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema Maltin.
Dr Abela temm jgħid li l-akbar investiment għall-futur jibqa’ dak fl-edukazzjoni, fit-talent u fil-ħiliet tal-poplu Malti. Huwa saħaq li filwaqt li għandna quddiemna sfidi kbar, qal li pajjiżna għandu l-potenzjal biex dawn indwaruhom f’opportunitajiet. “Għalhekk irridu nkunu magħqudin biex nibqgħu noħorġu l-aqwa ideat għal Malta li tant inħobbu,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.


