Monday, May 13, 2024

IRRIDU SOĊJETÀ MSEJSA FUQ IR-RISPETT REĊIPROKU

Aqra wkoll

Bħal dan iż-żmien xahar, Malta se tkun qiegħda tospita l-EuroPride Valletta 2023, li huwa l-akbar avveniment ta’ diversità fl-Ewropa. Bħalissa qed jiġu nnotati l-aħħar preparamenti, anke mil-lat ta’ loġistika, biex ikun jista’ jittella’ programm mifrux fuq għaxart ijiem li se jinkorpora fih kunċerti mużikali, l-arti u l-kultura u anke wirjiet li jagħtu spazju lill-komunità LGBTIQ+ jesprimu lilhom infushom.

Fost l-attrazzjonijiet ewlenin waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkun hemm il-kunċert li se jittella’ fuq il-Fosos tal-Floriana bis-sehem tal-kantanta Amerikana ta’ fama internazzjonali Christina Aguilera u l-Pride March. Bla dubju, din se tkun ċelebrazzjoni ta’ mħabba u għaqda, fejn l-interess fiha jidher li huwa wieħed kbir tant li huwa stmat li din se tattira eluf ta’ persuni mhux biss Maltin imma wkoll lill-barranin li ġejjin apposta għal din l-attività.

Barra minn hekk, il-EuroPride ta’ din is-sena se tkompli tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett f’dawk li huma drittijiet ċivili u ugwaljanza. Kien dan il-Gvern li bil-provi ta aktar drittijiet lil din il-komunità fosthom żwieġ tal-istess sess u anke li jadottaw l-ulied, dejjem wara skrutinju b’reqqa.

L-impenn tal-Gvern huwa li jibqa’ l-katalist favur aktar ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà. Din l-attività li se ssir nifhmu li b’mumenti bħal dawn se tiġi provduta pjattaforma b’saħħitha għas-soċjetà ċivili biex tkun tista’ ssemma’ aktar leħinha kontra d-diskriminazzjoni u sfruttament li sfortunatament għadha teżisti fil-konfront ta’ dawn il-persuni, inkluż l-omofobija u t-transfobija.

Għalhekk filwaqt li huwa importanti li nirrikonoxxu l-avvanzi kbar li saru f’dan il-qasam, jeħtieġ li ma niqfux hemm. Ir-riformi jridu jibqgħu jseħħu sabiex fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà tkun verament waħda li fiha r-rispett ikun reċiproku lejn xulxin. 

Għalhekk, inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma biex nibqgħu nkunu tal-ewwel fost il-pajjiżi fejn jidħlu drittijiet u ugwaljanza. Biex nilħqu dawn l-għanijiet irridu qabel xejn nifhmu li soċjetà biex tkompli titjieb trid tkun imsejsa fuq ir-rispett reċiproku u l-imħabba biex kulħadd ikollu l-istess opportunità li jimxi ‘l quddiem f’ħajtu kollha.

Sport