Wednesday, April 24, 2024

Is-saċerdot mhux se jibqa’ jakkumpanja l-korteo funebri mill-kamra mortwarja sal-knisja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mill-10 ta’ April is-saċerdot, minflok jakkumpanja l-korteo mill-kamra mortwarja sal-knisja, se jibda jilqa’ l-korteo funebri fil-bieb tal-knisja fejn isir it-tberik qabel il-quddiesa. Dan tħabbar mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fejn spjegat li l-Isqfijiet ħadu din id-deċiżjoni diffiċli wara li kkonsultaw mal-kappillani. 

Ir-raġunijiet li waslu għal din il-miżura huma li n-numru tal-kleru fil-parroċċi qiegħed dejjem jonqos, il-ħin tal-ivvjaġġar dejjem qiegħed ikompli jitwal u l-ħtieġa li s-saċerdoti jkunu preżenti fil-knisja qabel il-funeral biex ikunu ta’ wens għall-qraba u l-ħbieb kif ukoll għall-qrar.

L-Arċidjoċesi assigurat li s-saċerdoti se jibqgħu preżenti meta tmut persuna kemm f’residenzi, kif ukoll fl-isptar u li dawn se jibqgħu jieħdu sehem fil-purċissjoni mill-knisja saċ-ċimiterju fejn issir id-difna.

“L-Isqfijiet jifhmu li t-telfa ta’ xi ħadd għażiż hija esperjenza diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb għall-familja u l-ħbieb u jassiguraw lill-Insara li s-saċerdot se jibqa’  impenjat biex jipprovdi wens, mogħdrija u appoġġ f’dan iż-żmien. L-Insara huma mħeġġa jitolbu minnufih l-assistenza ta’ qassis kull meta huma jew l-għeżież tagħhom jiddaħħlu fi sptar jew dar residenzjali u biex jgħarrfu lil dawk responsabbli mill-kura tagħhom bix-xewqat spiritwali tagħhom,” temmet il-kelliema.

Sport