Thursday, March 28, 2024

IS-SAJF U R-RASSA FUQ IL-BAJJIET

Aqra wkoll

Għalkemm it-temp donnu ma jridx isib postu, b’ħalbiet tax-xita li għadhom għaddejjin matul Ġunju, it-temperatura donna qabdet it-telgħa u s-sħana qiegħda żżid.

Jekk hemm xi ħaġa li pajjiżna jsaħħar eluf ta’ turisti warajh biha hija l-klima sajfija u issa wasal iż-żmien biex kemm il-poplu Malti u Għawdxi u kull min jirrisjedi f’pajjiżna, kif ukoll it-turisti jgawdu dak li jistgħu joffru l-bajjiet tagħna.

Xi ħaġa li ta’ kull sena nispiċċaw nitkellmu dwarha, hija s-sitwazzjoni fuq il-bajjiet fejn kull individwu nemmnu li għandu dritt ikollu l-għażla li jikri fejn iqatta’ l-ġurnata b’affarijiet li jiġu provduti lilu fosthom umbrella u deckchair jew inkella jkollu spazju adekwat fejn jistrieħ bil-kumdità tiegħu b’dak li jieħu miegħu fosthom ngħidu aħna xi banketta jew xi xugaman u umbrella li jkun ħa mid-dar.

Forsi l-ġenerazzjoni moderna bħal donna tiskanta kif issib min jirrifjuta li jikri u jkollok min iqajjem l-argument li jippreferi jħallas xi ħaġa u jkun komdu bla ma joqgħod iqandel u jġorr. Madanakollu familja b’aktar persuni tista’ tikkundisraha bħala spiża żejda biex tikri ċertu umbrelel jew deckchairs u għalhekk nemmnu li huwa dritt ta’ kulħadd li jkun hemm żoni speċifiċi fejn wieħed jaf li se jmur fihom biex jingħata servizz u oħrajn fejn dak li jkun jista’ jmur bl-affarijiet tiegħu bla ma jħossu umiljat jew agħar minn hekk intimidat minn xi ħadd.

Nemmnu li d-deċiżjoni tal-Ministru għat-Turiżmu rigward it-tnaqqis b’mod drastiku tal-umbrelel f’Kemmuna għandha sservi ta’ twissija għall-operaturi Maltin li sa mill-ewwel ġranet tas-sajf jibdew jokkupaw il-bajjiet mingħajr ebda kontroll sakemm bħalma ilu jiġri għal sena wara l-oħra jkollhom jintervjenu l-awtoritajiet biex jagħtu spazju liċ-ċittadini.

Nemmnu li m’għandhomx ikunu l-protesti jew l-ilmenti li jwasslu għall-kontrolli biex naraw li filwaqt li l-operaturi jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum, jagħmlu dan fl-ispazju intitolat lilhom. Hija ħasra li persuni li jsibu ftit ħin biex imorru fi ġranet partikolari biex igawdu l-bajjiet pittoreski ta’ pajjiżna, jispiċċaw skomdi għax ma jistgħux jagħmlu dan bl-istil tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar trid tirfes fiż-żarbun ta’ dak li jkun qabel ma tasal biex saħansitra tikkundannah għax jixtieq igawdi l-bajja bla ma jidħol fi spejjeż li forsi jippreferi jonfoq mod ieħor, ngħidu aħna f’ikel għal familtu.

Ekonomija

Sport