Sunday, December 22, 2024

“Is-sehem tal-priġunieri huwa essenzjali… mingħajrhom l-attività ma ssirx”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħalissa n-nies jistgħu jixtru ikel tradizzjonali ħiereġ direttament mill-forn tal-Ħabs

“L-iskop ewlieni wara kollox min-naħa tal-gwardjani ddedikati li għandna huwa li jgħaddu s-sengħa lill-priġunieri u ngħallmuhom li tista’ jkollok xogħol u dinjituż. Stejjer ta’ suċċess kellna ukoll… u r-rispons tal-pubbliku huwa enormi.”

Hekk qal l-Uffiċjal Korrettiv Anzjan Charles Bonnici f’kummenti ma’ dan is-sit meta mistoqsi dwar il-ħidma u l-iskop tal-inizjattiva mill-isbaħ li bħalissa kull minn jgħaddi minn quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jista’ mhux biss jara iżda wkoll jixtri ikel tradizzjonali ħiereġ direttament mill-forn tal-ħabs. 

Min jixtieq jixtri xi prodotti ġenwini minn dawn, jista’ jżur il-kiosk mil-lum sas-Sibt bejn it-8.00a.m. u l-4.00p.m., filwaqt li f’Ħadd il-Għid se jibqa’ miftuħ sa 12.00p.m.

Il-forn tal-ħabs magħruf sew għall-furnati tiegħu u issa tista’ dduq il-ħobż li jinħema fih u fl-istess waqt tgħin lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva biex isaħħu l-ħiliet tagħhom.

Għal dawk il-ħaddiema ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dan iż-żmien huwa ftit iktar speċjali hekk kif isiru prodotti tradizzjonali ma’ dan iż-żmien tas-sena bħall-qagħaq tal-appostli.

Fl-aħħar jiem bosta kienu dawk li marru jixtru xi wieħed minn dawn il-prodotti ġenwini minn kiosk quddiem il-Faċilità Korrettiva. Fost dawn, wieħed isib qagħaq tal-appostli, figolli, pasti u aktar. Din it-tip ta’ attività bdiet madwar 12-il sena ilu. L-għan prinċipali ta’ dan kollu huwa li permezz t’hekk il-priġunieri jiġu introdotti għax-xogħol u jgħin biex fihom jitnissel is-sens li qed jikkontribwixxu lis-soċjetà. 

“Is-sintonija li teżisti bejnietna hija dinamika”

Ma’ dan il-ġurnal, Bonnici spjega li x-xogħol tiegħu hu purament mal-priġunieri, li tinkludi dixxiplina u taħriġ tar-rekluti, apparti mill-fatt li jorganizza din l-attività ta’ darba fis-sena. “Ma ninsabx waħdi, iżda hemm tim ta’ gwardjani, furnara, dulċiera li jaħdmu fil-kċina. Is-sintonija li teżisti bejnietna hija dinamika. Biss ngħidlek li jqumu fis-siegħa ta’ filgħodu biex jibdew jaħmu l-qagħaq u jibqgħu sejrin ġurnata sħiħa sat-tindif, ovjament, għax kuljum irridu naħslu l-post tax-xogħol. Il-prodotti tagħna huma ġenwini u nenfasizzaw fuq il-kwalità mhux il-kwantità, iżda nippruvaw nilħqu kemm jista’ jkunu nies.”

“Il-Gwardjani u l-Awtoritajiet tal-ħabs huma ddedikati u xogħolhom huwa missjoni silenzjuża”

Bonnici qalilna wkoll li l-ħajja hemm ġew mhix kif wieħed jara fil-films. “Il-gwardjani u l-awtoritajiet tal-ħabs huma ddedikati u x-xogħol tagħhom huwa missjoni silenzjuża. Il-priġunieri ngħixu flimkien ġo ralaħ żgħir magħluq u ddixxiplinat kif għandu jkun, iżda uman.”

Dwar din l-inizjattiva, qalilna li r-rispons tal-pubbliku huwa enormi. “Min-naħa tan-nies issib minn jgħidilna biex ninkoraġġuhom ħalli jinbidlu la huma bravi tant. Minn naħa tal-pruġunieri jkunu kuntenti u saħansitra jimpikaw biex inlaħħqu mad-domanda. Jien kultant b’mod sarkastiku ngħidilhom għandna l-aktar forn ‘hot’ ta’ Malta imma n-nies lilna jridu. Hemmhekk jimmotivaw ruħhom u bejn daħka u oħra nibqgħu għaddejjin,” temm jgħid.

Ekonomija

Sport